Simon Busuttil jagħti x-xhieda fit-tieni inkjesta dwar Keith Schembri

Dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni deher quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli biex jippreżenta provi dwar il-każ ta' Keith Schembri

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dalgħodu deher quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli sabiex jippreżenta evidenza fl-inkjesta li qed tinvestiga allegazzjonijiet dwar iċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Il-ġimgħa li għaddiet, Busuttil allega li Schembri għadda pagament ta' €650,000 lill-eks direttur maniġerjali ta' Allied Group, Adrian Hillman permezz ta' kumpanija offshore bejn l-2011 u l-2015. Busuttil kien iddesriva dan bħala "każ klassiku ta' ħasil ta' flus."

Il-Kap tal-PN kien ippreżenta dawn il-provi lill-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi inkjesta separata dwar il-kumpanija Egrant. Bugeja kien ikkonkluda li l-allegazzjonijiet ta' Busuttil kienu jmorru lil hinn mill-inkjesta dwar Egrant u għalhekk, irrakomanda li jkun maġistrat ieħor li jmexxi din l-inkjesta, u għaldaqstant telgħet bil-polza il-Maġistrat Josette Demicoli.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien iddeskriva dan l-aġir ta' Busuttil bħala tattiċi biex idewwem u jtawwal l-inkjesta dwar Egrant.

F'kummenti li għadda Busuttil lill-ġurnalisti quddiem il-Qorti, saħaq li l-elettorat se jkun qed jivvota f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Żied jinsisti li "l-Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni kriminali u l-persuna l-aktar qrib tiegħu, Keith Schembri jinsab taħt tnejn. Dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jwasslu biex dawn il-persuni jitressqu l-qorti b'akkużi kriminali."

Busuttil kompla biex jgħid li jinsab kunfidenti li l-Maġistrat se ssib biżżejjed affarijiet prima facie, mhux verdett jekk hux ħati jew le, imma jekk dawn il-persuni għandhomx jittieħdu passi kriminali kontrihom."Dik hija l-konklużjoni il-maġistrati kollha mistennija jaslu għaliha.Qed nistenna li fit-tliet każi in kwistjoni, it-tliet maġistrati jagħmlu hekk."

More in Politika