Ġiet iffirmata letter of intent bejn il-Gvern Malti u r-reġjun ta' Sqallija sabiex jinbena pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija li mistenni jitlesta f'madwar seba' snin, b'investiment ta' €320 miljun.
Il-Ministru Konrad Mizzi, f'konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja għall-iffirmar tal-ftehim dwar il-pipeline, qal kif wara l-qalba għall-gass, dan huwa l-pass li jmiss fil-proġett tal-pajjiż fl-enerġija. Spjega kif dan il-pipeline se jkun qed jieħu post il-floating storage unit, jiġifieri it-tanker li hemm f'Dellimara.
Mizzi saħaq li proġett bħal dan huwa ta' interess għaż-żewġ pajjiżi, jiġifieri kemm Malta u l-Italja, u se jkun qed ikun hemm is-security of supply, waqt li l-provvista tal-elettriku tkun sostenibbli. Il-pipeline għandu jwassal il-gass minn Gela fl-Italja ma' Dellimara f'Malta, b'tul ta' 160km.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan huwa pass importanti ħafna fl-iżvilupp u t-titjib tal-infrastruttura tal-pajjiż. Saħaq li permezz tal-ftehim li ġie ffirmat illum, il-proġett għandu jimxi 'l quddiem b'inqas burokrazija u telf ta' ħin.
Żied jgħid li dan il-proġett kien maħsub mill-amministrazzjoni preċedenti iżda nstabet sitwazzjoni fejn ma kien hemm l-ebda permess maħruġ u l-ebda sistema fis-seħħ f'dan ir-rigward.