F’April li għadda, ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet 4.1%, jiġifieri inqas min-nofs ir-rata ta’ qgħad fiż-żona ewro. Għal Malta din hija l-inqas rata ta’ qgħad f’dan ix-xahar mindu bdiet tiġi ppubblikata din l-istatistika fis-sena 2000.
Pajjiżna għandu t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro, bil-Ġermanja biss għandha rata ta’ 0.2 punt perċentwali inqas. F’Marzu 2013 id-distakk bejn Malta u l-Ġermanja kien erba’ darbiet akbar.
Fi stqarrija tal-Gvern, intqal kif tul din il-leġislatura kien hemm tlettax-il darba meta pajjiżna wasal għal rekord ġdid fir-rata baxxa ta’ qgħad, u sa tmiem il-leġislatura li għaddiet l-inqas rata ta’ qgħad kienet 5.8%. Taħt din l-amministrazzjoni dan ir-rekord tniżżel darbtejn fl-2014, erba’ darbiet fl-2015, sitt darbiet fl-2016 u darba fl-2017.
Matul il-leġislatura preċedenti, bħala medja, r-rata ta’ qgħad f’pajjjżna kienet tlaħħaq is-6.5%. Fi tmiem l-2010 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7.1%. Lejlet l-aħħar budget tal-Gvern preċedenti, skont il-Eurostat, kien hemm 4,000 aktar persuna bla xogħol milli hawn illum.
Fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ programmi biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħal garanzija għaż-żgħażagħ.
F’erba’ snin pajjiżna kellu żieda fl-impjiegi aktar minn dik fit-tliet leġislaturi preċedenti meħudin kollha flimkien.