Busuttil: 'Nitolbu 'l Alla biex nhar is-Sibt jagħti d-dehen lil pajjiżna'
Busuttil : 'Jekk aħna wara nhar is-Sibt immexxu dan il-pajjiż, se npoġġu lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox'
More in Politika
Busuttil : 'Jekk aħna wara nhar is-Sibt immexxu dan il-pajjiż, se npoġġu lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox'
Fl-aħħar parti tad-diskors tiegħu l-Kap tal-PN Simon Busuttil ikkowota lil Dun Karm Psaila, preċiżment l-Innu Malti u appella lill-partitarji biex jitolbu "'l Alla biex nhar is-Sibt jagħti d-dehen lil pajjiżna," meta l-poplu jkun qed jagħmel l-għażla tiegħu.
Il-Kap tal-PN qal li l-verita se tirbaħ fuq il-biża,”aħna kissirna l-biża għalhekk l-għaqda tal-lum hija waħda li tiġġieled il-biża' u li kissret il-ktajjen tal-biża’. Ivvutaw lill-Forza Nazzjonali biex Malta verament tkun tagħna lkoll,” sostna Busuttil għall-approvazzjoni tal-massa ta’ quddiemu.
“Jekk aħna wara nhar is-Sibt immexxu dan il-pajjiż se npoġġu lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox u fejn hu tajjeb insaħħuh u fejn huwa ħażin inneħħuh. U taħt it-tmexxija tagħna, l-ekonomija se tkun prijorità u jkollna forza ekonomika,” sostna Busuttil.
Il-Kap tal-PN qal li għandu viżjoni ta' soċjetà li tgħin lil dawk li għaddejjin minn problemi b’mard tal-kanċer, ta’ dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u soċjetà li tkun hemm għal kulħadd. “Soċjetà li tibza’ għall-ambjent, fejn kulħadd ikollu aktar ċans u ħin għal mat-tfal u l-familja. Soċjetà li fiha ma teħilx fit-traffiku, tmur fejn tmur, tmur x'ħin tmur.
“Mill-ġimgħa d-dieħla, nagħlqu l-Presidenza u ngħidu lill-Ewropa u lid-dinja li qlibna l-folja, għax aħna kburin li aħna Maltin,” qal Busuttil għall-għajjat ta’ “Nazzjonalisti..olè olè Nazzjonalisti.’
“Dan il-Gvern huwa ddisprat biex jibqa’ fil-poter,” sostna Busuttil li appella biex anke min ħa xi ħaġa, jitkellem mal-kuxjenza tiegħu "ħalli l-kuxjenza tiegħek tiggwidak, u bħall-kuxjenza tal-poplu Malti u Għawdxi, se tgħidlek ivvota għal Malta. Aħna m'aħniex għall-bejgħ, aħna ma nbigħux ruħna. Aħna nemmnu li l-poplu se jisma’ l-kuxjenza tiegħu,” tenna Busuttil.
Il-Kap tal-PN appella biex fis-sigħat li ġejjin, issir ħidma biex jipperswadu lil xi ħadd ieħor biex jagħżel lil Malta. “Aħna se nintrabtu mal-programm elettorali u l-prinċipju li nnaddfu isem pajjiżna, darba għal dejjem u l-kelma tagħna hija r-rabta tagħna ma niċħduha qatt. Aħna leali lejn min jagħtina l-fiduċja tiegħu.”
Intant, il-Viċi kap tal-PN Mario de Marco fakkar kif, “30 sena ilu, l-poplu vvota f’elezzjoni straordinarja biex inġibu n-normalità, dakinhar irbaħna mhux bħala Partit Nazzjonalista iżda bħala poplu Malti wieħed,” sostna De Marco.
Huwa sejjaħ lil dawk li qed imexxu lill-Partit Laburista bħala ‘klikka’ u ‘koalizzjoni tal-korruzzjoni’ li skont De Marco huwa Gvern li ħammeġ isem pajjiżna, li għamel lil Malta, "Panama fl-Ewropa. Dan il-Gvern żeblah isem pajjiżna u ta’ dan, jaħti biss Joseh Muscat u l-koalizzjoni ta’ korruzzjoni li dawwar lilu nnifsu biha,” qal il-Viċi Kap tal-PN.
‘Għandna baħar ta’nies quddiemna li se jtuna r-rebħa," insista De Marco