L-aktar Membru Parlamentari Ewropew Malti li ilu jservi fil-Parlament Ewropew, David Casa wera x-xewqa li jikkontesta għall-kariga ta' segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Irrappurtat dan il-gazzetta The Times li kkwotat lil Casa jgħid li avviċinawh numru ta' persuni fi ħdan il-Partit u anke minn barra biex jikkontesta f'din il-kariga. Żied jgħid li hua interessat iżda jiddependi minn jekk ikollux il-fiduċja tat-tmexxija l-ġdida tal-Partit.
David Casa kien diġà wera l-interess lura f'Diċembru li għadda li huwa determinat li wara l-elezzjoni ġenerali, jekk ikun hemm post vakanti għall-kariga ta' segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, hu jikkontesta għal din il-pożizzjoni.
Kienet irrappurtat dan, il-gazzetta Illum, li kienet ikkwotat lil Casa f'intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. L-MEP David Casa, fil-programm 'Distinti' ppreżentat minn Jean Claude Micallef kien qal mingħajr tlaqliq li kien jinteressah jikkontesta l-kariga fi ħdan il-Partit. Dan minkejja li dak iż-żmien, ma kien hemm l-ebda talba pubblika biex isir tibdil f'din il-pożizzjoni, li tokkupa Rosette Thake.
F'risposta lil din il-gazzetta, Casa kien wieġeb li "minn dejjem, esprimejt il-ħeġġa tiegħi li xi darba fil-karriera politika tiegħi, nservi bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista," waqt li sostna li mhix l-intenzjoni tiegħu li 'jimmira għas-siġġu ta' Thake'.
L-MEP David Casa fil-programm Distinti ta' Jean Claude Micallef, lura f'Diċembru 2016