Il-Partit Laburista se jkollu deputat mexxej għall-affarijiet tal-Parlament ġdid sa nofs Lulju li ġej, hekk kif se jkun qed jiġi vvutat f'Konferenza Ġenerali Straordinarja, li tibda l-Ħamis 13 ta' Lulju.
L-istess persuna li tiġi maħtura bħala deputat mexxej, se tkun qed isservi wkoll bħala Deputat Prim Ministru.
Il-Partit Laburista, għaldaqstant se jkun qed jilqa’ nomini għal ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament bejn nhar it-Tlieta, 20 ta' Ġunju fl-10.00am u l-Ħamis, 22 ta' Gunju fis-6.00pm, wara li din il-ħatra tħalliet vakanti mill-eks Deputat Prim Ministru, Louis Grech.
Matul l-istess perjodu se jintlaqgħu nomini għal karigi kollha eletti tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, hekk kif mitluba mill-istatut tal-istess partit. Dawn huma l-karigi ta' President, Viċi President, Segretarju Organizattiv u Segretarju Internazzjonali.
Barra minn hekk, irid isir vot sigriet ta' fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, u fid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona, hekk kif mitlub mill-istatut tal-Partit.
Il-votazzjonijiet se jsiru waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja li se tibda titlaqqa’ l-Ħamis, 13 ta' Lulju, fejn se jkun hemm diskors mill-Prim Ministru, li mistenni jniedi l-prioritajiet ta' ħidma tal-Gvern Ġdid għall-ewwel parti ta' din it-tieni leġislatura.
Il-votazzjonijiet kollha għal dawn il-ħatriet se jkunu qed isiru dakinhar u l-għada, il-Ġimgħa, 14 ta' Lulju. F'każ li jkun hemm aktar minn 2 kandidati għall-ħatra ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, u ħadd mill-kandidati ma' jikseb 50%+1 tal-voti validi mitfugħa, issir votazzjoni oħra bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla numru ta' voti l-għada s-Sibt, 15 ta' Lulju.