L-ispeaker li serva fl-erba’ snin li għaddew, Anġlu Farrugia mistenni jerġa’ jkun ikkonfermat fil-kariga tiegħu għat-tieni leġiżlatura.
Farrugia, li kien deputat Laburista qabel l-2013 u saħansitra anke deputat mexxej tal-Partit, mistenni jerġa’ jingħata l-fiduċja mill-Prim Ministru biex imexxi l-Parlament fit-tieni leġiżlatura tal-Partit Laburista fil-Gvern, għall-ħames snin li ġejjin.
Dan ġie kkonfermat minn kelliem tal-Gvern matul il-ġurnata tal-bieraħ, minkejja li kien hemm rapporti li din il-kariga kellha tara persuna oħra.
Il-Parlament se jkun qed jitlaqqa’ għall-ewwel darba f’din il-leġiżlatura nhar is-Sibt 24 ta’ Ġunju, b’waħda mill-ewwel affarijiet fuq l-aġenda tkun il-mozzjoni bin-nomina tal-ħatra tal-istess Farrugia bħala Speaker.
Wara dan, il-Parlament għandu jiddeċiedi fuq il-ħatra ta’ deputat speaker, li bħalma ġara fl-aħħar snin, mistenni jkun deputat minn naħa tal-Oppożizzjoni.