L-ILLUM tinsab infurmata li l-Prim Ministru Joseph Muscat offra Segretarjat Parlamentari lill-Avukat Robert Abela, iben il-President Emeritus George Abela u kandidat tal-PL għall-ewwel darba fl-elezzjoni li għaddiet. L-ILLUM tinsab infurmata wkoll li Muscat talab lil Abela biex imexxi Segretarjat Parlamentari, imma dan tal-aħħar, għal raġunijiet mhux magħrufin, ma xtaqx.
Minkejja dan, jidher illi f’laqgħat li saru bejn il-PM Muscat u Abela ntlaħaq qbil li Abela jingħata l-kariga ta’ Konsulent Legali tal-Prim Ministru.
Ikkuntattjat minn l-ILLUM u mistoqsi jikkonfermax illi hu ġie offrut Segretarjat Parlamentari, Abela la kkonferma u lanqas innega, ‘la se ngħid iva u lanqas se ngħid le,’ qal lil din il-gazzetta. Żied jgħid ukoll li ‘dak li jingħad bejni u bejn il-PM jibqa’ bejnietna.’
L-irwol li ngħata Abela huwa simili ħafna għal dak li kellu missieru George Abela meta dan kien jattendi l-laqgħat tal-kabinett fit-22 xahar illi matulhom kien hemm Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant. Aktar kmieni din il-ġimgħa mal-gazzetta The Times, Abela kkonferma li huwa mhux membru tal-kabinett imma li se jkollu l-irwol li jagħti pariri legali u anke politiċi lill-PM. Huwa kkonferma li għalkemm l-irwol tiegħu għadu mhux determinat dan se jkun simili għal dak li kellu missieru.