Editorjal | Mal-ewwel nifsijiet tal-Leġiżlatura
Il-faqar, il-housing u l-ġustizzja soċjali - Marlene Farrugia u żwieġ bejn persuni tal-istess sess...fl-editorjal tal-gazzetta ILLUM
minn Albert Gauci Cunningham
Nhar it-28 ta’ Mejju 2017, eżattament ġimgħa qabel kien magħruf ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, f’editorjal speċjali din il-gazzetta kienet qalet hekk; “Wara li ċ-ċirimelli jkunu waqfu u l-emozzjoni tkun battiet nirrealizzaw li għad għandna min hu fqir, għad għandna kirjiet m’għola s-sema...”
Nhar is-Sibt, mal-ftuħ tal-Parlament seħħet din ir-realizzazjoni. Ir-realizzazjoni li lil hinn mir-rebħiet, mid-distakki u l-imkatar u lil hinn miċ-ċelebrazzjonijiet, l-isfidi li kellna lbieraħ, għadhom l-isfidi li għandna llum.
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li t-twemmin li ħaddan dan l-editorjal, u li tkellem dwaru għal darba, darbtejn, tlieta, żgur għall-aħħar sentejn, kien imnaqqax f’dik il-parti indimentikabbli tad-diskors tal-President li rrifletta l-viżjoni ta’ Gvern Laburista għall-ħames snin li ġejjin. “Jekk l-avvanz ekonomiku ma jintużax biex isaħħaħ it-tessut soċjali u jilħaq aktar nies, ftit li xejn ikun jiswa għall-pajjiż u għall-poplu tagħna,” qalet il-President tar-Repubblika. U hekk hu, hekk għidna u hekk se nibqgħu ngħidu sakemm kulħadd ikun parteċipi mit-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jesperjenza l-pajjiż. Għax fl-aħħar elezzjoni ma kinux biss dawk li kellhom in-negozju li sejjer tajjeb li vvutaw PL. Ma kinux biss dawk li raw titjib fid-dħul tagħhom u ameljorament fil-benessere tal-familja li vvutaw PL. Kienu wkoll ħafna minn dawk li ma kinux sejrin tajjeb, iżda li jħossu li l-aħjar prospetti għalihom u anke għal pajjiżhom jistgħu jsiru realtà bi Gvern li taħtu r-rota qed iddur. Taħt Gvern li qed jirrealizza li hemm problemi u li qed jiffaċċja l-istess problemi mingħajr wisq titubar.
Issa huwa l-mument li Gvern Laburista jaqbad il-problema tal-housing mill-qrun u jattwa... Issa, b’ekonomija fost l-aqwa fl-Ewropa u bi Gvern b’maġġoranza straordinarja, huwa l-mument tal-ġustizzja soċjali. Issa huwa l-mument tal-prova
Huwa ta’ sodisfazzjon li llum kulħadd donnu qed jaċċetta li Gvern għandu jkun hemm primarjament biex joħloq ambjent san illi fih jinħoloq ix-xogħol, imma hemm ukoll biex jgħin fejn u lil min għandu bżonn l-istess għajnuna.
Issa huwa l-mument li Gvern Laburista jaqbad il-problema tal-housing mill-qrun u jattwa. Hemm il-fondi, hemm il-permessi biex jibda l-akbar proġett ta’ housing soċjali; mela ejja ma naħlux iktar żmien. Ejja nattwaw dan il-proġett. Ejja noffru soljev lill-mijiet ta’ familji li wħud minnhom qed jgħixu fil-faqar, fi proprjetajiet li kważi lanqas huma abitabbli. Ejja nqaċċtu kull forma ta’ abbuż mis-suq tal-kirjiet privati u ejja naraw li l-inizjattivi favur min jixtieq jixtri l-ewwel proprjetà u ma jistax jidħlu fis-seħħ.
Issa, b’ekonomija fost l-aqwa fl-Ewropa u bi Gvern b’maġġoranza straordinarja, huwa l-mument tal-ġustizzja soċjali. Issa huwa l-mument tal-prova għal mexxej politiku tal-akbar forza Soċjal-Demokratika f’pajjiżna.
...Il-Partit Demokratiku
Tajjeb jew ħażin, il-Partit Demokratiku daħal fil-Parlament. Minflok ninħlew iżżejjed fuq it-teknika ta’ x’se jkunu jisimhom fil-Parlament, mhux aħjar nifhmu li eluf ta’ nies b’mod effettiv u għall-ewwel darba fi snin, preferew jivvutaw lil partit li mhux intrinsikament PN jew PL?
Tkellmina ħafna dwar għalfejn rebaħ Muscat u għalfejn tilef Busuttil. Imma wasal iż-żmien li naraw ukoll għalfejn mijiet ta’ nies, probabilment il-maġġoranza tagħhom Nazzjonalisti (anke din lanqas aħna ċerti minnha) ivvotaw lil xi ħadd ieħor, mhux il-partit ‘tagħhom’?
Marlene Farrugia, tista’ tkun l-aktar persuna li ddejqek jew li tħoss illi m’għandhiex prinċipju. Il-punt huwa li xorta qiegħda fil-Parlament u jekk qed nisħqu għall-għaqda, jekk verament iridu l-għaqda l-PN u l-PL, jridu jingħaqdu maż-żewġ Farrugias.
Għall-PL mhux se tkun faċli żgur. Inqas u inqas għall-attivisti. Imma min qal li l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni huma faċli?
il-Parlament se jkun maqgħud għall-ugwaljanza. Qaqoċċa waħda fi spirtu ta’ fehma u konoxxenza lejn il-fatt li dak li seħħ fl-2014 permezz tal-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili kien storiku u jeħtieġ ikun msaħħaħ
Magħqudin għall-Ugwaljanza
Din il-ġimgħa l-Parlament se jkun qed jiddiskuti Liġi li se tbiddel l-att dwar l-Unjoni Ċivili għal wieħed ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess. M’għandniex għalfejn infakkru, kif għamilna ħafna drabi minn dan l-editorjal, kemm id-drittijiet ċivili jibqgħu l-akbar kisba ta’ Muscat u Gvern Laburista, imma dan ma jfissirx li ma nilqgħux b’mod mill-aktar pożittiv il-fatt li l-PN se jkun qed jivvota favur din il-Liġi.
Lil hinn mill-battibekki politiċi, il-fatt li l-PN se jkun qed jivvota favur liġi li tagħti ugwaljanza lill-imħabba ta’ persuni tal-istess sess tfisser illi fil-ġranet li ġejjin il-Parlament se jkun maqgħud għall-ugwaljanza. Qaqoċċa waħda fi spirtu ta’ fehma u konoxxenza lejn il-fatt li dak li seħħ fl-2014 permezz tal-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili kien storiku u jeħtieġ ikun msaħħaħ.