Opinjoni | Inħarsu lejn il-futur
L-opinjonista Joe Ellis jisħaq dwar l-importanza ta' Partit Nazzjonalista li jirbaħ lil Muscat mhux billi jimitah imma billi joffri viżjoni għal Malta
minn Joe Ellis
Żewġ Ħdud ilu, saru elezzjonijiet komunali f’bosta bliet Taljani illi fihom il-Partit Demokratiku ma mar xejn tajjeb. Għalkemm il-Moviment 5 Stelle l-anqas ibbrilla, jidher illi l-grillini appoġġjaw bis-sħiħ il-partiti taċ-ċentru lemin illi affermaw ruħhom anke fi bliet illi ilhom minn żmien żemżem immexxijin mix-xellug bħal Ġenova u Sestri San Giovanni fil-perferija ta’ Milan. Dan ir-riżultat qares għall-partit ta’ Renzi ġiegħel lill-ewwel segretarju tal-PD, l-eks sindku ta’ Ruma, Walter Veltroni jirrifletti illi l-Italja għandha maġġoranza naturali ta’ nies illi jappoġġjaw iċ-ċentru lemin.
Dina l-osservazzjoni ġegħlitni nsaqsi: u f’Malta x’inhi l-maġġoranza naturali tal-elettorat? Dana speċjalment invista tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew illi ntrebħu bil-kbir mill-Partit Laburisti. Meta l-Partit Laburista qiegħed jaqta’ lil dak Nazzjonalista b’marġni mhux tas-soltu ta’ mill-anqas 35,000 vot, konklużjoni naturali tkun illi effettivament f’Malta hawn maġġoranza naturali Laburista.
Jista’ jkun illi fil-fatt hawn dina l-maġġoranza naturali Laburista. Vera illi qed isir ħafna diskors illi l-ekonomija sejra tajba u hawn il-flus fl-idejn. Imma anke meta Malta kienet mgħarrqa bix-xogħol fl-era Nazzjonalista, il-PN qatt ma ttrijonfa kif qed jagħmel il-PL illum. Anzi l-elezzjoni tal-2008 rebaħha b’marġni tassew żgħir ta’ xi 1,500 vot u xogħol ukoll kien hawn dakinhar.
Personalment, ma neskludix illi tassew teżisti maġġoranza naturali Laburista fil-pajjiż. Imma jekk dan hu l-każ, ma nemminx illi dan il-fatt waħdu jispjega l-entità tar-rebħiet Laburisti. Forsi jispjega għala r-rebħiet Nazzjonalisti ma kinux tal-istess daqs bħal dawk Laburisti meta n-Nazzjonalisti kellhom ir-riħ fil-poppa. U għala kellhom jitħabtu sabiex iwettqu l-aktar bidla fundamentali f’pajjiżna wara l-Indipendenza, id-dħul ta’ Malta fl-UE. Illum meta wieħed jara xi bandiera tal-Ewropa mwaħħla mal-faċċata ta’ xi każin Laburista, ma jistax ma jiftakarx illi ftit snin ilu l-istess faċċati kienu jwissu lill-poplu illi bid-dħul ta’ Malta fl-UE ser nirriskjaw illi jkollna ż-żwieġ bejn l-omosesswali u l-abort.
Muscat irid iħallas prezz għal dan in-nuqqas ta’ viżjoni u l-PN irid ikun pront bil-viżjoni tiegħu sabiex jilqa’ għal dawn l-isfidi kbar illi għandna quddiemna minkejja illi ma nagħtux kashom Joe Ellis
Li naħseb illi hu fatt f’pajjiżna hu illi f’Malta hawn maġġoranza illi temmen fil-kapitaliżmu bl-anqas rażan possibli kif qed jipprattika dan il-gvern. Naħseb illi parti essenzjali tas-suċċess politiku ta’ Joseph Muscat u l-Partit Laburista tiegħu hi illi waqt illi żamm l-appoġġ tal-klassijiet soċjali illi tradizzjonalment kienu l-aktar jappoġġjaw lill-PL infiltra sew f’dawk il-klassijiet illi min-naħa tagħhom kienu dejjem jappoġġjaw lill-PN u huma dawn illi qegħdin jikkontribwixxu għall-entità tas-suċċessi Laburisti. Meta wieħed iqis il-kuntratturi, l-iżviluppaturi, is-sensara, il-periti, in-nutara, il-bejjiegħa tal-passporti, tal-ħwienet u oħrajn illi abbandunaw il-PN m’għandux jiskanta wisq bir-riżultat elettorali. Anzi l-marġni tar-rebħa seta’ kien akbar kieku l-PN ma kellux kampanja diċenti u ma qamitx il-kwistjoni tal-korruzzjoni. Għax meta wieħed iqis l-ammont tal-pjaċiri illi saru mill-Gvern Laburista matul is-snin u speċjalment fl-aħħar xhur, wieħed m’għandu jiskanta b’xejn. Fi żmien fejn l-ekonomija qiegħda ddur, mhux bħalma kienet fl-2013 u l-power of incumbency hija f’idejn il-Gvern Laburista illi l-filosofija tiegħu tidher illi hi illi jipprova jaqdi lil kulħadd irrispettivament mill-kulur tiegħu, ma kienx impossibbli illi fil-fatt il-maġġoranza Laburista tkun akbar milli kienet fl-2013.
Ir-riżultat elettorali ovvjament poġġa lill-PN f’sitwazzjoni diffiċilissima, speċjalment wara r-riżenja en bloc tal-grupp tat-tmexxija u tal-kap Simon Busuttil. Kemm kienet għaqlija din ir-riżenja tad-diriġenti tal-partit, wieħed irid jara ’l quddiem. Ir-rebħa għandha elf omm imma t-telfa hija orfni. U issa ovvjament kulħadd jipponta subgħajh lejn dak u dik waqt li qed nistennew il-Messija, il-mexxej il-ġdid illi ser joħroġ il-poplu Nazzjonalista mid-deżert.
Għalkemm għadu ftit kmieni u s’issa għadhom iddikjaraw illi ser itellqu għall-Kap tnejn min-nies biss, diġà beda jsir ħafna diskors dwar x’għandhom ikunu l-attributi tal-mexxej il-ġdid sabiex jirnexxielu joħodha ma’ Muscat. Sfortunatament huwa sintomatiku taż-żminijiet illi l-kritika illi ssir lil Simon Busuttil hija illi kien mehdi wisq fuq il-korruzzjoni u l-onestà fil-politika u illi ma kienx komunikatur tajjeb. Verament, l-abbilitajiet rettoriċi ta’ Busuttil mhux dejjem kienu għall-altezza għalkemm dejjem kienu qed jitjiebu. Naħseb illi l-fatt illi Busuttil qatt ma pprattika l-qorti xekklu fil-mod kif ipproġetta ruħu u aġixxa. Imma l-anqas mhu ġust illi wieħed jgħid, kif jingħad anke fil-każini Nazzjonalisti, illi l-PN ma kellux proposti u kien biss idoqq id-diska tal-korruzzjoni għax dan mhux il-każ. Li forsi kien nieqes mill-kampanja tal-PN kien illi ma kinetx pożittiva biżżejjed.
M’hemmx dubju illi fid-dinja medjatika tal-lum, l-abbiltajiet komunikattivi ta’ mexxej huma ferm meħtieġa. Imma fuq kollox il-mexxej il-ġdid irid ikollu viżjoni ta’ fejn irid iwassal il-partit u fuq kollox il-pajjiż. Tajjeb illi wieħed jgħid illi jrid jara xi jridu n-nies u illi jibni pontijiet imma dan mhux biżżejjed. Jekk il-mexxej il-ġdid mhux ser ikollu viżjoni alternattiva għal dak li qed joffri Muscat, hu destinat illi jfalli.
Personalment, ma neskludix illi tassew teżisti maġġoranza naturali Laburista fil-pajjiż. Imma jekk dan hu l-każ, ma nemminx illi dan il-fatt waħdu jispjega l-entità tar-rebħiet Laburisti. Forsi jispjega għala r-rebħiet Nazzjonalisti ma kinux tal-istess daqs Joe Ellis
Mhux faċli illi wieħed joħroġ b’din il-viżjoni għax pajjiżna laħaq ħafna mill-milestones illi kellu. Anke ż-żwieġ bejn il-koppji omosesswali hu wieħed minn dawn il-ġebliet għalkemm nirrisenti l-mod kif qed tinbidel il-liġi. Fiż-żmien, id-dissidenti kienu dawk li jmorru kontra l-kelma tal-knisja; illum id-dissidenti huma dawk illi jazzardaw ma jaqblux ma’ dak li jixtieq il-lobby tal-LGBTIQ.
Imma ċertament illi għad fadlilna bosta ġebliet oħra x’nilħqu. Meta waqa’ l-ħajt ta’ Berlin, kien hemm min ażżarda jgħid illi l-istorja issa kienet ser tieqaf. Ma setax ikun aktar żbaljat. U l-istess jista’ jingħad għal pajjiżna. Il-fatt illi dħalna fl-UE, adottajna l-ewro, dħalna fiż-żona Schengen u issa kellna l-presidenza tal-UE li rnexxiet ma jfissirx illi lħaqna l-ġebliet kollha. Mgħammxin kif aħna bil-ġid materjali, irridu naraw kemm is-sitwazzjoni attwali hija sostenibbli. Wisq nibża’ illi l-gvern ta’ Muscat f’xi ħin jew ieħor ser jgħarrilu kollox għax ma jistax ikun illi jaqdi lil kulħadd, idaħħal mal-gvern lil min irid, jagħti promozzjonijiet bl-addoċċ u kuntratti lil min irid mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi f’xi ħin jew ieħor. S’issa kellu konverġenza ta’ fatturi ekonomiċi favorevoli illi ħjewh bil-kbir imma x-xorti f’xi ħin jew ieħor tbiddel ir-rotta. U l-PN irid ikun fuq saqajh sabiex jisfrutta l-ixquq illi inevitabbilment ser jidhru fit-tempju Laburista.
Jiena nawgura illi fit-tellieqa għall-mexxej ġdid Nazzjonalist, il-kontendenti li ħarġu jew li ser joħorġu jkunu animati mhux mill-ambizzjoni personali tagħhom imma mill-ħerqa biex iservu l-partit u l-pajjiż. Nawgura wkoll illi fix-xahrejn li baqa’ qabel mal-Kunsill Ġenerali jnaqqi l-lista ta’ kontendenti għal tnejn, jiġbru madwarhom numru ta’ ħassieba ħalli jlaħħmu l-viżjoni tagħhom għall-futur. Illum ħadd mhu ser joħlom illi nidħlu fl-Ewropa imma ċertament nistgħu noħolmu illi nagħmlu l-Ewropa aktar effettiva. Jew illi nisfruttaw aktar l-opportunitajiet immensi tal-Ewropa illi ħafna drabi qed nittraskuraw. Nieħdu l-każ ta’ Helena Dalli: ħadmet bis-sħiħ sabiex tippromwovi d-drittijiet tal-omosesswali imma x’għamlet sabiex isseddaq il-qasam tal-konkorrenza fil-pajjiż? Ftit li xejn jekk irrid inkun ġeneruż u dan għad-detriment tal-konsumatur li wara kollox hu ċittadin ukoll u jista’ jkun omo jew eterosesswali.
Imma l-anqas mhu ġust illi wieħed jgħid, kif jingħad anke fil-każini Nazzjonalisti, illi l-PN ma kellux proposti u kien biss idoqq id-diska tal-korruzzjoni għax dan mhux il-każ Joe Ellis
Min ser jieħu t-tmexxija tal-PN jeħtieġ ikollu viżjoni għal Malta tal-ewwel nofs tas-seklu wieħed u għoxrin: pajjiż illi jrid jaffaċja l-isfidi tal-immigrazzjoni, tat-tnaqqis tar-rata ta’ fertilità, tal-bdil tal-klima, taż-żernieq tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika, tal-gwerer ċibernetiċi u affarijiet oħra illi l-bniedem fit-triq mhux dejjem ikun konxju minnhom imma illi ċertament ser jolqtuh u bil-kif. Ma tantx nara l-gvern ta’ Muscat iħabbel moħħu fuq dawn l-affarijiet għax li jinteressah hu dak li hu issa u mhux l-imbagħad. F’xi ħin u ieħor, Muscat irid iħallas prezz għal dan in-nuqqas ta’ viżjoni u l-PN irid ikun pront bil-viżjoni tiegħu sabiex jilqa’ għal dawn l-isfidi kbar illi għandna quddiemna minkejja illi ma nagħtux kashom.
Jekk min irid jilħaq kap tal-PN fi ħsiebu biss illi jimita lil Muscat u jirbaħlu billi jilgħab l-istess logħba tiegħu, ser ikun jagħmel disservizz lill-partit u lill-pajjiż. Għalhekk il-ħtieġa ta’ viżjoni ċara u futuristika ta’ fejn il-pajjiż irid imur. Għax hu biss jekk il-pajjiż jibqa’ jkollu suċċess ekonomiku illi l-gvern tiegħu jkun jista’ jibqa’ jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ Ċikku u Ċikka l-Poplu. Muscat sab is-sodda mifruxa u b’ċirkostanzi ekonomiċi favorevoli, seta’ jaqta’ l-ispiża kapitali u jroxx sabiex isaħħaħ l-appoġġ. Imma jekk l-ekonomija ma tibqax iddur, u t-tnaqqis tal-ispiża kapitali ma jgħinx żgur, il-poplu żgur li ser tonqoslu l-ħeġġa lejn Muscat.
Ikun wasal il-mument għal mexxej u partit ġdid fit-tmun.