Ix-xahar li għadda kienu b’kollox 272 persuna li rċevew l-ewwel pensjoni tal-wens minn meta l-Gvern ħabbar riforma li permezz tagħha din il-pensjoni żdiedet kif ukoll qed tingħata lil ħafna iktar persuni. Il-pensjoni tal-wens tingħata lil dawk li jibqgħu barra minn impjieg biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lill-qraba u nies fil-familja li jkollhom bżonn kura d-dar matul il-jum.
Fl-aħħar baġit kienet imħabbra żieda, biex issa din il-pensjoni hija ta’ €140 mill-€105 li kienet qabel, dan ifisser żieda ta’ €35 fil-ġimgħa jew mal-€140 fis-sena. B’kollox iż-żieda li ħabbar il-Gvern se tfisser illi dawk illi jibbenefikaw minn din il-pensjoni se jaraw żieda ta’ €1,820 fil-pensjoni tal-wens fis-sena.
Qabel din ir-riforma kienu biss 69 persuna li kienu jibbenefikaw, jew 203 inqas għalkemm l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għadu għaddej u allura huwa mistenni li jerġa’ jiżdied.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Silvio Grixti.