Minkejja li fil-Partit Nazzjonalista stess u fost nies qrib ta' Busuttil, uħud minnhom li tkellmu mal-gazzetta ILLUM, kien qed jingħad li Simon Busuttil lest jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu jekk l-inkjesta dwar Egrant tissostanzja l-allegazzjoni, ftit tal-mumenti ilu l-istess Busuttil qatel l-ispekulazzjoni li baqgħet tikber, sal-lum stess anke fil-PN.
L-għidut fil-PN kien ilu jiġri li Busuttil jista jkun li jżomm jew jipprova jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-PN, b'sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM jgħidu li hu lest jagħmel dan biss jekk l-eżitu aħħari u ppublikat tal-inkjesta Egrant turi li din il-kumpanija kienet ta' Michelle Muscat u/jew li għaddew flus minnha. Mistoqsi jikkonfermax, kelliem għall-PN bgħatilna filmat illi fih Busuttil jgħid li beda l-proċess tat-tiġrija ta' Kap tal-PN qabel kienu konklużi l-inkjesti biex ma ssirx pressjoni fuq il-ġudikatura. Hu iżda, fl-ebda ħin, ma qal x'kien jagħmel kieku fil-proċess jirriżulta li l-allegazzjonijiet dwar Egrant kienu veri..
Illum, wara li Busuttil mar il-Qorti fejn talab li tinfetaħ inkjesta oħra dwar il-kontijiet fi-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, reġa ssaħħaħ dan l-għidut bil-Partit Laburista jgħid illi dik ta' dalgħodu kienet sinjal ċar li Busuttil irid jibqa'.
Mas-sit maltatoday.com.mt Busuttil ikkonferma b'mod ċar li m'għandu ebda interess li jitfa' ismu għat-tiġrija ta' Kap tal-PN.
Għalhekk kollox jidher li baqa' l-istess u li Busuttil minkejja kwalunkwe inkjesta ta' Egrant/Keith Schembri jew le, mistenni jtemm il-kariga tiegħu f'Settembru li ġej, kif fil-fatt kien irraporta dan is-sit ukoll ftit wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.
(Nhar il-Ħadd li ġej fuq il-gazzetta ILLUM l-ewwel intervista relatata mat-tiġrija għall-Kap tal-PN...mal-Għawdxi Chris Said)