Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli tal-Knisja ħadet azzjoni kontra sitt persuni wara każi ta' abbuż fuq minorenni. Il-Kurja fil-fatt ħadet azzjoni kontra dawn il-persuni matul l-2016. Minn dawn tnejn kienu qassisin djoċesani, tlieta kienu reliġjużi (qassisin, brothers jew sorijiet) u persuna waħda kienet lajka.
Minkejja dan, mit-12-il ilment ta' minuri li saru fl-istess sena kienu biss tnejn illi kienu ssostanzjati u ttieħdu l-passi meħtieġa f'kull każ. Il-każijiet l-oħra konklużi ma ġewx ippruvati jew ġew riferuti lill-entitajiet rilevanti għax ma kinux jaqgħu taħt ir-remit tal-Kummissjoni.
Intant fi 12-il ilment li l-Kummissjoni rċeviet fir-rigward ta' adulti vulnreabbli, erba' minnhom kienu sostanzjati.
Andrew Azzopardi li jmexxi l-istess Kummissjoni qal li l-Knisja se tkompli toffri l-kontribut tagħha fuq livell nazzjonali, kif għamlet is-sena l-oħra meta rrakkomandat lill-istat it-twaqqif ta' awtorità għall-ħarsien tat-tfal u adulti vulnerabbli. "Awtorità bħal din taħdem biex fl-aħjar interess tal-minuri, tiġi implimentata sistema ta' qsim ta' informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mat-tfal."