Dan is-sit huwa infurmat illi fis-siegħat li għaddew, fil-fatt minn kmieni filgħodu, l-Pulizija niżlu l-Armier minn fejn neħħew numru kbir ta' deckchairs li huma proprjetà ta' negozji partikolari.
Persuni li kienu fuq il-post spjegaw kif bħalissa hemm il-Pulizija li ġabru numru sostanzjali ta' deckchairs u poġġewhom fuq trakk apposta, bil-possibilità li fil-fatt ikunu ikkonfiskati. Jidher illi din l-operazzjoni ta' żbarazzar mid-deckchairs saret madwar l-Armier kollu u l-Pulizija neħħew deckchairs u umbrelel, minn tliet stabbilimenti; Palm Beach u Victoria fl-Armier u Ray's Lido f'Little Armier.
Persuni li qegħdin fuq il-post qalu lil dan is-sit illi l-Pulizija bħalissa qed jiġbru id-deckchairs, b'sid partikolari saħansitra jinqabad jipprova jaħbi d-deckchairs fuq in-naħa ta' wara tal-binja.
Fi stqarrija, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qalet li din kienet azzjoni konġunta bejna u l-Awtorità tal-Lands, li fiha tneħħew mal-5 trakkijiet mimlija b'deckchairs u umbrelel. L-istabbilimenti fl-Armier instabu li kienu qed jiksru t-termini u l-kundizzjonijiet tal-permessi li kellhom.
Qabel l-azzjonijiet tal-lum, sostniet l-MTA, l-operaturi ta' dawn l-istabbilimenti kienu infurmati li ma kinux qegħdin joperaw skont it-termini tal-permessi li kellhom. Kienu ġew avżati wkoll li se tittieħed azzjoni jekk dawn kienu se jkomplu jiksru t-termini. "Din l-azzjoni konġunta hi parti minn azzjoni mmirata sabiex jiġi żgurat li r-regolamenti jiġu rispettati kollha. Dan għandu jibgħat sinjal ċar li l-awtoritajiet qed jieħdu din il-kwistjoni b'serjetà u li mhux se jkun qed jiġi ttollerat l-abbuż," kompliet tgħid l-istqarrija.
'Azzjoni diretta miċ-ċittadini jekk id-dritt li ngawdu l-bajjiet mhux se jiġi mħares'
Intant aktar kmieni illum, attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent innutaw li bosta bajjiet madwar Malta u Għawdex ġew meħuda minn entitajiet kummerċjali li qed jimlewhom b’deckchairs u umbrellel minn filgħodu kmieni.
"Fil-prattika, dan qed iwassal sabiex bajjiet pubbliċi, postijiet li qegħdin hemm għat-tgawdija minn kulħadd, jinbidlu fi spazji privati għall-qligħ tal-ftit. Għalhekk in-nies qed ikunu mġiegħla jagħżlu bejn li joqogħdu fil-ftit spazji ffullati li jkun fadal jew iħallsu sabiex jikru umbrella u deckchair. Ħafna drabi n-nies mhux qed jirnexxilhom isibu post fejn jifirxu x-xugamani u jpoġġu l-umbrellel tagħhom, u mhux qed ikun hemm spazju biżżejjed fejn jilagħbu t-tfal. Huwa kompletament inġust li ftit kumpaniji privati jagħmlu profitti kbar għas-skapitu tal-bqija tan-nies, minn fuq postijiet li suppost qegħdin hemm biex ikunu aċċessati u mgawdija minn kulħadd."
L-attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed jisħqu li l-kumpaniji għandhom iwaqqfu immedjatament dawn il-prattiċi tar-regħba li qed joħonqu l-bajjiet pubbliċi, u li l-awtoritajiet ikkonċernati jiżguraw li d-dritt tan-nies li jgawdu dawn il-bajjiet ikun imħares. Is-sitwazzjoni preżenti hija inaċċettabbli. Jekk mhux se tieqaf, l-attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed jimpenjaw ruħhom li jorganizzaw azzjonijiet diretti miċ-ċittadini sabiex jittieħdu lura l-bajjiet tagħna.
Intant, aqra iktar dwar dan għada fil-gazzetta Illum