Puli u Debono jikkampanjaw ma’ Delia f’Għawdex
- Ġurnata ta’ laqgħat bejn Delia u l-Kunsilliera Għawdxin
- Clyde Puli u Kristy Debono wara Delia, Puli jiċħad
- Marthese Portelli u David Stellini qed jaħdmu għal Said
minn Albert Gauci Cunningham
Ilbieraħ, il-kampanja għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista kompliet tikkarga, din id-darba f’Għawdex, b’din il-gazzetta tkun infurmata li l-kandidat Adrian Delia qatta’ ħafna mill-ġurnata f’lukanda fl-Imġarr, Għawdex jiltaqa’ mal-Kunsilliera tat-13-il distrett. Hawnhekk, b’kollox hemm 107 persuna eleġibbli li jivvotaw fil-Kunsill Ġenerali li se jsir nhar it-2 ta’ Settembru u li minnu se jintagħżlu żewġ kandidati, mill-erbgħa. Il-vot Għawdxi jirrapreżenta kważi 8% tat-total ta’ kunsillieri.
Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll li d-Deputati Nazzjonalisti Clyde Puli, kif ukoll id-Deputata Nazzjonalista Kristy Debono qegħdin jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Delia, b’kemm Puli u anke Debono għajnejhom iffukati fuq il-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN. Fil-fatt, din il-gazzetta tinsab infurmata li Puli u anke Debono kienu qed jiltaqgħu mal-kunsilliera tal-PN f’Għawdex ilbieraħ, ma’ Delia imma b’mod separat. Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew li dan sar biex kemm jista’ jkun jitħaffef il-proċess kollu u jsir kuntatt ma’ kemm jista’ jkun Kunsilliera.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, Puli kkonferma għall-ewwel darba li qed jikkunsidra b’serjetà li jitfa’ ismu għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN u għalhekk qed idur lill-kunsillieri. Huwa iżda ċaħad li qed jappoġġja jew li se joffri front ta’ tmexxija ma’ Delia.
Mistoqsi jekk allura kinitx koinċidenza li kien Għawdex jitkellem mal-Kunsilliera fl-istess jum li matulu Delia kien qed jikkampanja hemm ukoll, hu rrimarka li kien qed ikellem gruppi differenti minn Delia u li nzerta kellu tieġ f’Għawdex ukoll.
Minkejja diversi attentati, l-ILLUM ma setgħetx tagħmel kuntatt mad-Deputata Kristy Debono.
Sorsi mill-PN sostnew mal-ILLUM li Delia qed jara li f’Għawdex għandu sfida kbira. L-ewwel nett, minħabba li Said huwa Għawdxi u t-tieni minħabba li skont is-sorsi ta’ din il-gazzetta, id-Deputati Marthese Portelli u David Stellini, anke jekk mhux pubblikament, qed jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Said.
Delia s’issa għadu ma kixifx wisq idejh dwar min qed jagħti appoġġ lill-kandidatura tiegħu, għalkemm dawk li tkellmu magħna spjegaw kif apparti Puli u Debono, hemm nies oħrajn li qed jaħdmu jew jidhru fil-laqgħat li l-istess Delia qed jorganizza. Fost dawn qed jissemmew Georg Sapiano, il-fundatur tal-kumpanija Aequitas Legal li tagħha Delia jmexxi t-tim tal-Litigazzjoni, Manwel Delia li reġa’ qed ikun attiv ferm fix-xena politika lokali, persuni li kienu meqjusin qrib ta’ Austin Gatt u anke Michael Fenech Adami. Dan tal-aħħar fil-fatt ġieli kien preżenti f’xi attivitajiet li organizza Delia f’dawn l-ewwel ġimgħat tal-kampanja.
L-għażla tal-lokalitajiet fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja kienu pjuttost indikattivi. Chris Said kompla l-kampanja tiegħu f’Ħal Safi fejn preżenti fil-każin kien hemm Alexis Callus, in-neputi tal-eks PM u Kap tal-PN Lawrence Gonzi u li reġa’ sar attiv ħafna hekk kif kien maħtur Segretarju tal-Kumitat Sezzjonali tal-Lokal. Flimkien ma’ Callus, hemm ukoll bħala membru tal-Kumitat Sezzjonali Ċettina Callus, li tiġi oħt l-eks PM Lawrence Gonzi.
Alex Perici Calascione, li sa ftit tal-jiem ilu kien jokkupa l-kariga ta' Teżorier tal-PN, u li tefa' n-nomina tiegħu għal Kap tal-PN, hu l-uniku s'issa li għandu esponenti li ddikjaraw ruħhom favurih fil-pubbliku: ix-xandar David Thake - li għażel li ma joħroġx, u l-eks kandidat Ivan Bartolo.
Thake u Bartolo huma żewġ eks kandidati li ħaduha qatta bla ħabel kontra t-tmexxija tal-PN wara li laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit ċaħħdithom mill-opportunità li jkunu eletti f'elezzjonijiet każwali.
L-aktar li ħadha bħala offiża kien David Thake li ra ċ-ċans tiegħu li jkun elett fil-Parlament imxejjen bis-saħħa tal-għażla tal-PN li jaġevola lil Godfrey Farrugia fuq is-seba' distrett.
L-aħħar kontestant, b'sorpiża, kien l-eks President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Frank Portelli, liema kandidatura ma tantx niżlet tajjeb ma’ numru ta’ partitarji Nazzjonalisti.
Portelli kien voċiferu fil-kritika tiegħu lejn l-amministrazzjoni Gonzi anke fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista, kemm fuq il-bini tal-Isptar Ġenerali Mater Dei kif ukoll minħabba li kuntratt għall-kirja mill-Gvern tal-Isptar St Philip’s baqa’ ma mmaterjalizzax. Dakinhar kien akkuża liż-żewġ partiti b’diskriminazzjoni kontrih.
Chris Said jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u ta’ martu
Intant ilbieraħ, f’Birkirkara fejn twieled u għandu l-aktar saħħa l-kandidat Adrian Delia, Said organizza konferenza li matulha ppubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-familja tiegħu. Said u martu bejniethom għandhom €50,293 f’kont konġunt u self ta’ €52,596 mal-Lombard Bank. Huwa investa €2,312 fil-Valletta Fund Management u €4,900 f’bonds. Għandu wkoll €5,488 f’assigurazzjoni mal-MSV Life.