Delia u Said ma jaqblux ma’ Portelli fuq l-immigrazzjoni

 

‘Mhux se nfajjar ċifri bl-addoċċ fejn jidħlu l-persuni’

Sigħat wara li Frank Portelli stqarr li ma jaqbilx mal-multikulturaliżmu u li 80% tal-immigranti li hawn f’pajjiżna għandhom jintbagħtu lura, il-kandidati għal kap tal-PN, Adrian Delia u Chris Said qalu li ma jaqblux ma’ din il-linja ta’ ħsieb. Meta kien qed jitkellem fuq il-programm Dissett, Portelli qal li kull immigrant li mhux refuġjat, m’għandux jitħalla jibqa’ f’pajjiżna. Akkuża li wħud mill-immigranti qed “jimponu” fuq pajjiżna, u esiġa li jkun ripatrijati. Mal-ILLUM, kemm Said kif ukoll Delia qalu li hemm proċeduri stabbiliti u internazzjonali li jridu jkunu segwiti, “mhux tiddeċidihom persuna waħda.” Il-pożizzjoni ta’ Portelli tmur kontra dik li dejjem ħaddan il-PN fuq din il-kwistjoni. Portelli qal ukoll li sabiex il-PN ikollu ċans jirbaħ, il-kunsilliera jeħtieġ li jeleġġu ‘patrijott’.

L-erba’ kandidati li qed jimmiraw li jkunu kap tal-Partit Nazzjonalista qalu tagħhom fuq diversi oqsma li beħsiebhom jindirizzaw jekk ikunu eletti fil-kariga.

Suġġett li wieħed mill-kandidati, ċioè Frank Portelli spiss kien voċiferu dwaru huwa l-immigrazzjoni u fil-fatt, nhar il-Ġimgħa li għadda waqt il-programm Dissett qal li huwa kontra l-multikulturaliżmu f’pajjiżna u sostna li 80% tal-immigranti għandhom jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Ir-raġuni? Għax skontu dawn huma immigranti ekonomiċi li jiġu fil-pajjiż sabiex isibu xogħol u mhux għaliex qed ifittxu l-ażil.

Dan huwa suġġett importanti għal kull min qed jaspira li jkun Kap tal-Oppożizzjoni u eventwalment anke Prim Ministru. Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt mat-tliet kandidati l-oħra għal Kap tal-PN sabiex tistaqsihom x’inhi l-pożizzjoni tagħhom rigward dawn it-temi.

Il-kandidati ma qablux mal-viżjoni u l-opinjoni tal-kandidat Portelli, fil-fatt primarjament sostnew li dan huwa suġġett delikat li mhux la kemm titkellem dwaru persuna, iżda huma affarijiet li huma stabbiliti minn istituzzjonijiet differenti.

‘Il-PN dejjem kellu pożizzjoni ċara dwar dan’

Filwaqt li saħaq li mhux se jgħaddi ‘sweeping statements’ u jaqbad ifajjar ċifri u figuri bl-addoċċ speċjalment fejn jidħlu l-persuni, il-kandidat Adrian Delia saħaq li wieħed irrid jagħmel distinzjoni bejn l-immigranti legali u dawk illegali. Dwar dawn tal-aħħar, Delia sostna li wieħed irid jara kif dawn waslu fil-pajjiż u fuq kollox tassigura li dawn jibqgħu jgħixu f’dinjità. Żied jgħid li anke jekk l-immigranti jiġu biex jintbagħtu lura pajjiżhom, il-metodi użati mhux se tiddeċidiehom persuna waħda imma jridu jirrispekkjaw dak li hu maqbul fi strutturi internazzjonali. Fil-fatt, Delia sostna wkoll li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu pożizzjoni ċara dwar dan.

Meta mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-multikulturaliżmu, il-kandidat Adrian Delia sostna li pajjiżna minn dejjem kien jilqa’ numru differenti ta’ kulturi, u huwa mibni fuq din it-taħlita ta’ kulturi, bil-lingwa tagħna tkun xhieda ta’ dan. Fl-istess waqt iżda, Delia saħaq li minkejja li bħala pajjiż nibqgħu nilqgħu lill-barranin, insista li dawn għandhom iżommu rispett lejn it-tradizzjonijiet tagħna, filwaqt li l-Maltin jibqgħu jissalvagwardjaw il-kultura tagħhom. “Min jiġi nilqgħuh imma jrid jirrispetta l-kultura tagħna,” temm jgħid Delia lil din il-gazzetta.

‘Jirrispettaw il-liġijiet, inkella jkollhom jirrispondu għal għemilhom’

Tal-istess opinjoni kien il-kandidat Għawdxi Chris Said li mal-ILLUM saħaq li l-barranin f’pajjiżna jeħtieġ li jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż, inkella jkollhom jirrispondu għal għemilhom. “Bħala poplu dejjem nuru solidarjetà, imma dawn għandhom jirrispettaw il-liġijiet tagħna,” saħaq Said.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-preżent, pajjiżna għandu proċeduri stabbiliti ta’ kif immigrant jingħata d-dritt tal-ażil jew inkella jiġi rifjutat. Dan hu ferm differenti mill-argument ta’ Portelli li jrid li jintbagħtu lura lejn pajjiżhom 80% tal-immigranti. Min-naħa l-oħra, Said qal li jemmen li dawk il-persuni li ma jikkwalifikawx għal dan id-dritt, m’għandhomx jinżammu fil-pajjiż fit-tul, iktar milli jkun hemm bżonn.

Rigward il-multikulturaliżmu fil-pajjiż, li hi xi ħaġa li l-Maltin jgħixu magħha ta’ kuljum, Chris Said sostna li l-multikulturaliżmu f’Malta mhux ġej biss minħabba dawn l-immigranti, iżda f’ħafna każi, jkunu persuni barranin li jiġu f’Malta legalment sabiex jaħdmu fil-pajjiż. Chris Said kompla billi jgħid li llum il-ġurnata, dan huwa stat ta’ fatt u hija xi ħaġa li l-pajjiż irid jadatta għaliha.

Intant, il-kandidat Alex Perici Calascione, minkejja li ġie kkuntattjat minn din il-gazzetta għall-kummenti tiegħu, ma weġibx il-mistoqsijiet sal-ħin tal-pubblikazzjoni.

More in Politika