€3.4 miljun fi dħul 'Malti' mhux iddikjarat minn kontijiet fil-Panama

Wara l-Panama Papers u l-Iswiss Leaks jirriżulta li kienu rkuprati kważi €17-il miljun minn kontijiet ta' Maltin

€3.4 miljun fi dħul minn Maltin mhux iddikjarat
€3.4 miljun fi dħul minn Maltin mhux iddikjarat

Minn mindu kienu żvelati l-Panama Papers, u allura dawk il-persuni minn madwar id-dinja li kellhom kont f'dan il-pajjiż, fuq il-lista s-sewda anke tal-Unjoni Ewropea, Malta rkuprat €6.3 miljun. Dan seħħ hekk kif it-Tax Compliance Unit beda investigazzjonijiet, kemm fuq dawk li kellhom kontijiet f'dan il-pajjiż kif ukoll fl-Iżvizzera, wara l-iSwiss Leaks. 

Żvela dan l-istess Tax Compliance Unit mal-ġurnal The Times li spjega kif mis-€6.3 miljuni, hemm b'kollox €3.4 miljun fi dħul li ma kienx iddikjarat u €2.895 oħrajn f'multi. Kelliem għall-Unit spjega kif fil-każ tal-iSwissLeaks kien hemm €10.5 miljuni li kienu rkuprati minn fergħa waħda biss, ibbażata f'Ġinevra. 

Huwa qal ukoll lill-ġurnal illi għaddejjin investigazzjonijiet fuq 96 individwu jew kumpanija, li kellhom kontijiet f'dawn iż-żewġ pajjiżi. 

F'Malta, il-Panama Papers ħadu bixra politika hekk kif irriżulta li kemm il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhom kontijiet f'dan il-pajjiż. Fiż-żmien il-kampanja elettoral, il-Kap tal-PN Simon Busuttil kien saħansitra allega u tela' l-Qorti fuq akkużi li dawn il-kontijiet intużaw għal fini ta' ħasil ta' flus. 

More in Politika