Il-Labour x'jaqbillu? Il-kalkoli ta' Joseph Muscat fit-tiġrija għal Kap tal-PN (1)
L-ikbar spettatur fit-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN huwa l-Labour...u l-Labour x'jaqbillu?
minn Albert Gauci Cunningham
Ta’ spiss nistaqsu, kemm fuq il-midja kif ukoll waqt diskorsi fil-privat, dwar min mill-erba’ kandidati kapaċi jkun l-aħjar għall-Partit Nazzjonalista. Isiru mistoqsijiet dwar jekk jafx l-istruttura, jekk għandux il-viżjoni u jekk hux kapaċi jerġa’ jqajjem l-entużjażmu fost bażi ta’ votanti li bħalissa tinsab l-aktar diżilluża li qatt kienet.
Il-Ġeneral, Filosfu u Strateġista Militari Ċiniż Sun Tzu kien qal, fi kwotazzjoni pjuttost famuża fl-arti tal-gwerra illi “Jekk taf lill-għadu u lilek innifsek, m’għandekx għalfejn tinkwieta mir-riżultat ta’ 100 battalja. Jekk taf lilek innifsek imma mhux l-għadu tiegħek, għal kull rebħa li tagħmel, issofri telfa.”
U biex tifhem lill-avversarju, jeħtieġ tifhem ukoll il-bidliet fi ħdanek kif se jimpattaw lilu. Għalhekk, il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn it-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN, b’aċċenn partikolari fuq l-aħħar żviluppi, imma mill-perspettiva tal-Partit Laburista jiġifieri x’jaqbillu jew x’jaħseb li jaqbillu l-Partit Laburista (u Joseph Muscat) li jkun l-eżitu ta’ din l-elezzjoni.
B’Muscat iwiegħed li jitlaq minn idejh it-tmun tal-PL, li taħt it-tmexxija tiegħu s’issa kiseb l-ikbar rebħiet elettorali li qatt kiseb partit politiku mill-1964 sal-lum, liema avversarju se jkollu l-PL jista’ jiddetermina jekk l-istess partit jirbaħx l-elezzjoni li jmiss b’qawwa, jirbaħx bi ftit jew inkella saħansitra jitlef l-elezzjoni ġenerali li għandha ssir fl-2022.
Din il-gazzetta tat ħarsa lejn il-kalkoli possibbli li l-Partit Laburista jista’ qed iħares lejhom hekk kif jiddeċiedi x’jaqbillu hu. F’din l-analiżi se nħarsu lejn liema huma dwak il-fatti storiċi, l-iżviluppi riċenti, lejn l-immaġini u lejn il-karatteristiċi personali tal-kandidati illi jagħmluhom l-avversarju ideali jew inkella mhux mixtieq tal-PL u Joseph Muscat.
Chris Said: Mhux kariżmatiku biżżejjed, imma...
Said huwa thedida ‘moderata’ għal Joseph Muscat jew għas-suċċess tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
L-aktar fattur li jista’ jiffavorixxi lill-PL, jekk ikun elett Said Kap tal-PN, huwa li dan igawdi minn popolarità relattiva iktar milli minn waħda wiesgħa ħafna. Minkejja li għandu intenzjonijiet tajbin għall-PN u minkejja li huwa popolari f’Għawdex, xorta għadu mhux ‘household name’ fil-politika. Jista’ jsir, imma għadu mhux.
Said huwa relattivament tajjeb, imma lil hinn mill-partit għadu mhux qed jinħass li huwa dik il-kalamita li forsi għandu bżonn il-PN biex iressaq lejh il-masses ta’ nies li għandu bżonn biex jirbaħ. Jinħass, anke jekk mhux neċessarjament huwa minnu, li huwa inqas soċjalment kunfidenti milli huwa Adrian Delia, pereżempju. Għandu preżenza soċjali inqas notevoli.
Minkejja li Kap ta’ partit jeħtieġ ħafna iktar minn immaġini u kariżma biex imexxi, fi żmien fejn dak li huwa materjalistiku, id-dehra u r-Relazzjonijiet Pubbliċi donnhom saru importanti daqs il-kontentut, huwa importanti li firxa wiesgħa ta’ nies iħossuhom kompletament komdi mal-politiku. Said għad irid jegħleb din l-isfida.
Iktar minn hekk imma, għall-PL Said huwa avvesarju magħruf. Kif kien irrapurtat jgħid hu stess “tafuni. M’iniex kaxxa magħluqa.” Dan il-fattur jista’ jkun pożittiv għall-Kunsillieri Nazzjonalisti li jridu jmorru għal dik il-persuna li dwarha jafu ħafna. Imma huwa pożittiv għal Muscat u l-PL ukoll.
Il-PL jaf min hu Said, jaf x’isarraf, is-saħħa u d-dgħjufija tiegħu. Dan jagħmlu avversarju aktar faċli u iktar prevedibbli.
Il-passat li l-PL jittama li ‘jsawtu’ bih
Dan kollu apparti l-fatt li Said, xi ftit jew wisq, jibqa’ marbut mal-passat politiku riċenti tiegħu kemm bħala Ministru tal-Ġustizzja taħt l-eks PM Gonzi, kif ukoll bħala Segretarju Ġenerali u kelliem għal Għawdex taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Hawn ukoll, il-fatt li Said qed ifakkar fil-kisbiet tal-Gvern tal-PN 2008-2013 huwa pożittiv għal settur ta’ Nazzjonalisti li jħossu illi bit-tmexxija ta’ Busuttil dawn il-kisbiet kienu injorati, li kien hemm wisq attentat ta’ break from the past.
Għall-PL u Muscat ukoll iżda dan huwa fattur mill-aktar pożittiv għalihom. It-tattika ta’ ħtija b’assoċjazzjoni hija waħda li ntużat diversi drabi u l-PL jużaha żgur jekk Said ikun elett, biex iressaq il-fallimenti jew il-fallimenti perċeputi lejn Said. B’hekk l-iżbalji, skandli jew anke żelqiet Nazzjonalisti tal-passat jitwaħħdu ma’ Said ‘għax dan kien hemm.’
Nagħti eżempju. Jekk jirriżulta, meta tkun ippubblikata l-inkjesta Maġsterjali, li l-allegazzjoni fil-konfront ta’ Michelle Muscat u Joseph Muscat li Egrant hija tagħhom u li mill-kont kienu għaddew $1 miljun mill-Azerbaijan hija assolutament falza u mhix mibnija fuq ebda verità, b’eżitu ċar u inekwivoku, l-ewwel li se jagħmel il-PL huwa li jfittex x’qal Said dwar dan is-suġġett u li joħloq rabta bejn Said u l-allegazzjoni, biex b’hekk jagħmilha tiegħu. Jiġifieri l-assoċjazzjoni mal-passat, speċjalment dak riċenti, jista’ jibni jew ikisser lil Said.
Għal Muscat u l-PL, il-fatt li Chris Said għandu familja kbira b’ħafna aħwa, magħrufin sew fin-Nadur u madwar Għawdex kollu huwa fattur ieħor li jiffavorixxih. Minkejja l-kunċett li ma jkunux attakkati l-familji, il-Partit Laburista permezz tal-media tiegħu stess ħafna drabi fetaħ il-kanuni fuq l-aħwa tal-‘Ganga’ bil-għan li għal darb’oħra joħloq ħtija b’assoċjazzjoni. ‘Jaqsmu bħall-aħwa’ kien jgħid it-titlu tal-gazzetta Kulħadd fi storja f’Ġunju 2016 li ffukat fuq għoti ta’ kuntratti min ħu Said, Charles Said. ‘Tal-linja tistenna lil tal-Ganga’ jgħid blogg partikolari li kien tella’ Glenn Bedingfield f’Ġunju 2016, bl-istess Bedingfield jiddeskrivi l-PN immexxi minn Said bħala ‘Ganga-style PN’. Dan juri illi l-PL ikun qed jittama li jekk ma jiżloqx hu, jiżloq xi ħadd mill-familja biex għal darb’oħra jitfgħu l-ħtija permezz tal-assoċjazzjoni.
Il-PL se jkollu diffikultà jippunta subgħajh lejn Said...
Min-naħa l-oħra iżda Said ikun Kap li ftit tista’ teħel malajr miegħu t-tiketta ta’ ‘korrott’ jew politiku ‘maħmuġ’. Din Said għarafha u għax għarafha lagħab karta kruċjali u kixef dak kollu li għandu; assi, depożiti, djun u proprjetà. Dan poġġa lil Said xi ftit jew wisq fuq dak li ngħidulu l-high moral ground, bħal pedestall morali. Il-PL u Muscat jafu li sakemm dan l-immaġini jibqa’ intatt se jkun diffiċli li jippuntaw subgħajhom lejn Said jekk jiżbaljaw huma. Dan il-fattur jippermetti lil Said biex isostni l-battalja tal-PN kontra l-korruzzjoni, b’aktar kredibilità minn xi kandidati oħrajn għax huwa inqas suxxettibbli għad-dubju (huwa hawn fejn il-PL se jkun qed jiftaħ kull attakk possibbli bl-użu tal-ħtija b’assoċjazzjoni, jekk ikun elett Said). Biex tgħaxxaq għal-Labour, lura fl-2010 Said kien irreżenja minn Segretarju Parlamentari wara li l-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li dan għandu jiffaċċja proċeduri legali bbażat fuq l-akkuża ta’ perġurju. Said kien sostna li hu se jirreżenja sakemm inaddaf ismu mill-akkuża, ċaqliqa politika li ġabet ħafna ammirazzjoni u li l-PL ftit jew xejn ifakkarha. Said, fil-fatt ħareġ bl-unuri għax kien meħlus mill-akkużi ta’ perġurju f’Ottubru tal-2010 u kien maħtur mill-ġdid fil-kabinett Nazzjonalista. Dan ifisser li Said se jkollu l-libertà li jfakkar f’dan l-episodju kemm-il darba jħoss li politiku Laburista għandu jirreżenja għax jaf li ħadd mhu se jdur fuqu u jgħidlu li mhux kapaċi jġorr ir-responsabbilità, ladarba din diġà għamilha.
Said huwa wkoll persuna determinata ħafna. Forsi l-kariżma li għandu inqas minn Kandidati oħrajn u minn Muscat tagħmel tajjeb għaliha d-determinazzjoni. Said jista’ jiftaħar, kif qed jagħmel fil-fatt li fl-unika test elettorali li kellu l-PN meta kien hu Segretarju Ġenerali, jiġifieri dik tal-Kunsilli Lokali fl-2015, il-PN beda jirkupra xi ftit mit-telf qawwi li kien sofra. Anke jekk fil-fatt dan is-‘suċċess’ u kemm minnu kien relatat ma’ xi fiduċja ġdida fil-PN huwa dibattibbli, jibqa’ fatt li Said huwa magħruf illi għandu kapaċitajiet organizzattivi li jistgħu jagħtu nifs qawwi u bżonjuż lill-istrutturi tal-PN. Dan naturalment mhux aħbar tajba għall-PL u Muscat.
Delia: Qrubija man-negozji li se tgħollih jew se tkissru
Adrian Delia għandu ħafna kuntatti ma’ ħafna nies fin-negozju. Issa li jkollok kuntatti ma’ nies fin-negozju minnha nnifisha hija xi ħaġa pożittiva, għax tagħtik għarfien aħjar tal-mestier partikolari. Imma meta dawn ir-rabtiet ikunu, jew perċeputi li huma, fondi ħafna u mifruxin iżżejjed, awtomatikament se jkunu aktar emmnuti stejjer jew allegazzjonijiet ta’ kollużjoni, kunflitti ta’ interess jew saħasitra korruzzjoni.
Dak li ġara din il-ġimgħa kien eżempju klassiku li jipprova dan. Lil hinn mill- merti tal-allegazzjoni illi Delia gideb meta qal li m’għandux kont bankarju barra mill-pajjiż u li għaddew flus fil-kont marbutin mal-prostituzzjoni, il-fatt li Delia għandu rabtiet tant fondi ma’ numru kbir ħafna ta’ nies fin-negozju jpoġġih fi żvantaġġ ikrah. Għax ipoġġih fiċ-ċentru ta’ moviment qawwi ta’ flus u allura f’pożizzjoni ħafna iktar vulnerabbli għall-akkużi u iktar suxxettibbli għall- korruzzjoni.
Anke jekk allegazzjoni ma tkunx minnha jew ma tistax tkun ippruvata hemm ċans ikbar li titwemmen, kif fil-fatt twemmnu iktar faċilment l-allegazzjonijiet kontra Keith Schembri minħabba rabtiet qawwija li dan għandu fin-negozju. Ħafna drabi fil-politika, mhux neċessarjament ‘dak li hu’ imma dak li ‘n-nies jemmnu li hu.’
Mela fuq dan il-punt, il-PL u Joseph Muscat diġà għandhom għodda effettiva kontra Delia. Il-perċezzjoni. U jekk tinbet perċezzjoni ta’ qrubija żejda jew kunflitt ta’ interess jew anke ta’ korruzzjoni l-PL għandu minn fejn jiekol minn dawk l-eluf li fl-aħħar elezzjoni vvutaw PN biss jew primarjament minħabba l-kwistjoni Panama. Muscat ikun innewtralizza l-każ Panama darba għal dejjem!
Naturalment imma, bħal xafra li taqta’ minn żewġ naħat, ir-rabtiet li għandu Delia mal-kostruzzjoni, ma’ diversi negozji u ma’ diversi fis-suq tal-proprjetà tista’ tkun l-akbar uġigħ ta’ ras għal Muscat u l-Partit Laburista.
Delia jista’ jerġa’ jagħti l-ħajja lil dawk ir-rabtiet qawwijin li għal snin kellu l-PN ma’ diversi setturi tan-negozju li jidher illi telquh bil-kbir fl-2013 u komplew jitilquh fl-2017, biex tawh telfa enormi oħra. Muscat u l-Labour jistgħu jsibu f’Delia l-‘kappell jiġihom’ fil-forma ta’ xi ħadd li se jerġa’ jattira lejh faxxa kbira ta’ nies li għalihom l-affluwenza mhux sinonima mal-ħażen jew korruzzjoni. Dan mal-fatt li Delia huwa l-aktar street wise, jew l-aktar mill-kontestanti kollha li għandu għarfien u esperjenza ta’ kif topera l-ħajja urbana u soċjali ta’ ħafna Maltin. Delia għandu preżenza soċjali qawwija u minkejja li fil-ħajja privata tiegħu, speċjalment fid-dawl tad-dħul tiegħu u ta’ martu, wieħed jista’ jqis li huwa parti mill-Upper Middle Class (assoċjata mal-isnobbiżmu soċjali) dan ċertament ma jidhirx fil-komportament aktar rilassat tiegħu, fil-każini, fil-festi u ma’ gruppi ta’ nies, kif insejħulhom aħjar ‘tar-raħal’. Din it-tip ta’ attitudni tinżel għasel, ma’ firxa kbira ħafna ta’ nies ħafna minnhom Laburisti jew nies li bħalissa qed jivvutaw lill-PL. Din tista’ fil-fatt tkun l-akbar uġigħ ta’ ras u fil-fatt l-akbar biża’ tal-Partit Laburista.
Lil hinn min-novità...
Kuntrarjament għal Said, Delia huwa kaxxa magħluqa. Novità u wiċċ ġdid. Din hija xafra oħra li taqta’ miż-żewġ naħat. Jidher ċar illi n-novità ta’ Delia qed toħloq interess fost it-tesserati, forsi l-uniku interess qawwi li qed jitqajjem f’din il-kampanja s’issa.
Il-ġdid fl-Oppożizzjoni dejjem kien ivvutat fil-Gvern ħlief fil-każ ta’ Simon Busuttil. Eddie Fenech Adami, ġab maġġoranza ta’ voti fl-ewwel elezzjoni bħala kap fl-1981, Alfred Sant rebaħ l-ewwel elezzjoni bħala Kap fl-1996 u Joseph Muscat rebaħ l-ewwel elezzjoni bħala Mexxej fl-2013. Lawrence Gonzi, anke jekk ma kienx ‘ġdid’ fl-ewwel elezzjoni ma’ xi ħadd li kien ilu fil-politika u fl-ewwel elezzjoni bħala Kap rebaħ. Fl-istess pożizzjoni, imma ma’ xi ħadd li qatt ma kien ippruvat (EFA) Karmenu Mifsud Bonnici tilef.
Dan ifisser li l-aptit għal xi ħadd ġdid u għan-novità dejjem kien hemm interess fil-politika. Delia huwa dik in-novità.
Imma b’rebħa waħda miżera fl-aħħar 14-il sena u b’erba’ telfiet kolossali kollha ta’ aktar minn 33,000 distakk il-PN se jkollu bżonn ħafna iktar minn novità. Fil-fatt il-PL u Muscat jistgħu jħossu illi meta n-novità tintilef wara biss ftit ġimgħat, Delia mhu se jkollu xejn spettakolari wisq jew differenti wisq x’joffri. Se jkun, a different shade of red. Il-PL qed jistrieħ fuq il-fatt li Delia, kuntrarjament għal Muscat, mhux ippruvat fil-partit, ma telax l-iskaluni tal-Partit u għadu ma ħabbatx wiċċu mal-interessi xi kultant parrokkjali li jinbtu u jinfirxu f’kull partit. B’hekk, fin-nuqqas ta’ sens ta’ awtorità Delia se jkun qed jaħli ħafna mill-ħin tiegħu jikkonvinċi lil dawk li akkost ta’ kollox ma jriduhx u jitlef mill-ħin li għandu bżonn biex jikseb riżultat rispettabbli fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Wieħed jifhem li l-kurrenti kontrih jikkalmaw wara l-elezzjoni. Imma jekk le, problemi kbar se jkollu Delia. U din hija bħal mużika ħelwa f’widnejn Joseph Muscat. Jidher li Delia se jkollu problemi kbar ħafna, anke biex isib postu fil-Parlament u b’Kunsill Eżekuttiv tal-PN kontrih, din l-isfida se tiggrava.
Minkejja kollox Delia xorta jibqa’ thedida relattivament serja għal Muscat u l-PL u ċ-ċansijiet tagħhom li jirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss, prinċipalment minħabba li jaf jerġa’ jippopolarizza lill-PN b’mod li jerġa’ jkollu ċans jirbaħ elezzjoni. Minkejja dan iżda hem diversi fatturi li jistgħu jaħdmu kontrih u jilagħbu f’idejn Muscat, mhux l-inqas l-antipatija li jidher li hemm għalih minn dawk li sa ftit ilu kienu qed imexxu l-Partit Nazzjonalista u r-rabtiet li għandu man-negozju li jistgħu idaħħluh ġo ħajt.
(....ikompli għada bil-kandidaturi ta' Perici Calascione u Portelli)