Minkejja ċ-ċapċip u l-carcades teżisti l-biża fil-PN li l-affarijiet se jiggravaw

  • Biża’ li l-affarijiet jistgħu jiggravaw fil-ġimagħtejn li ġejjin...fid-Dar Ċentrali kien hemm ċapċip isfel u xokk qawwi fis-sulari ta' fuq
  • Rabja kbira għall-mod kif żviluppat it-tiġrija għal Kap tal-PN s'issa

Wara l-fervur kbir u l-entużjażmu li ġabet magħha r-rebħa ta' Adrian Delia, saħansitra b'carcades żgħar quddiem il-każin tal-PN ta' Birkirkara, ilbieraħ kien hemm ukoll sens qawwi ta' xokk, rabja u anke biża'. Minkejja li l-foyer infaqa' f'ewforija kbira mar-rebħa ta' Delia, is-sulari ta' fuq fejn kienu qed jiltaqgħu is-sostenituri ta' Chris Said u Alex Perici Calascione kien hemm sens qawwi ta' diżappunt u biża'. Dan is-sentiment kien espress mal-illum.com.mt  minn diversi attivisti u tesserati saħasnitra sa qabel ir-riżultat tal-bieraħ. 

Dawk li tkellmu mal-ILLUM urew it-tħassib serju ta’ kemm il-partit fil-verità jiflaħ għal ġimagħtejn oħra, simili għal ġimagħtejn li għaddew. Teżisti biża' reali illi fis-siegħat li ġejjin l-attakki, akkużi u stejjer dwar Delia se jkomplu jiħraxu fl-aħħar attentat biex dan il-kandidat ma jsirx kap tal-PN u allura tkompli tiggrava s-sitwazzjoni fil-partit. 

Filwaqt li wħud qed jippuntaw subgħajhom lejn id-Deputat Jean Pierre Debono għax qed jakkużawh illi firex soddtu sew fl-għażla tal-kunsillieri u permezz tas-saħħa u influwenza li bena fosthom, oħrajn qed jisħqu li b'Delia fil-quċċata l-PN se jitlef ħafna voti. Jidher fil-fatt li dan huwa s-sentiment fost il-qarrejja tal-blog ta' Daphne Caruana Galizia fl-aħħar siegħat. 

Dan apparti li diversi persuni fil-quċċata tal-PN, primarjament il-kap uxxenti Simon Busuttil u Deputati bħal Jason Azzopardi kixfu snienhom bil-qawwi kontra Delia. Busuttil insista li wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Aministrattiv Delia kellu jirtira mill-kandidatura, filwaqt li Azzopardi mar pass oltre. 

Huwa akkuża lil Delia, għalkemm ma semmiehx b’ismu, illi huwa ż-żiemel tat-Troja tal-Partit Laburista. Kliemu eżatt fuq il-paġna ta’ Facebook kien “ħadd, ħadd m'għandu d-dritt iħammeġ l-isem, l-istorja u l-membri tal-Partit Nazzjonalista. Mhux ta' b'xejn Kastilja siktet, jittamaw li jdaħħlu żiemel ta' Troja fid-Dar Ċentrali.” 

"Qażżewna jiġġieldu bejniethom"

“Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk, qażżewna jiġġieldu bejniethom,” kien kumment partikolari u pjuttost iebes ta’ tesserat Nazzjonalist li tkellem mal-ILLUM. “Tlift l-interess u ma rridx nisma’ aktar,” kien kumment ieħor li sar ma’ din il-gazzetta kemm minn attivisti, minn tesserati kif ukoll minn persuni li fl-aħħar elezzjoni kienu kandidati mal-istess Partit Nazzjonalista.  

Minkejja l-iżvelar ta’ kont f’Jersey f’isem Adrian Delia, liema kont Delia dejjem ifakkar li huwa client account u mhux tiegħu, l-ikbar inkwiet ta’ bosta Nazzjonalisti diżillużi huwa dak li qed isejħu ‘tperriċ’ ta’ kwistjonijiet ‘interni’ u l-battibekki jew attakki li qed isiru fil-miftuħ. 

Il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista laħqet livelli aktar allarmanti din il-ġimgħa, bi grupp imdaqqas ta’ attivisti favur Delia jidħlu fid-Dar Ċentrali f’esebizzjoni ta’ appoġġ ftit sigħat qabel l-iżviluppi drammatiċi illi permezz tagħhom il-PN spiċċa talab lil Delia biex jirtira. 

Persuni oħrajn li tkellmu ma’ din il-gazzetta fuq kundizzjoni ta’ anonimità qalu illi l-agħar ħaġa li ġrat f’din il-kampanja kienet is-sens ta’ ‘a-free-for-all’. Mistoqsijin xi jridu jfissru biha huma lmentaw ma’ din il-gazzetta illi ma kien hemm ebda forma ta’ kodiċi jew linji gwida. “Mhux qed nippretendi kontroll fuq kif tintuża l-midja soċjali. Imma ppretendejt li l-partit ikollu kodiċi ta’ mġiba għad-Deputati u dawk li qed imexxu l-Kumitati sezzjonali, mhux tajna l-impressjoni li għaddejja gwerra bejnietna,” sostniet persuna li tkellmet ma’ din il-gazzetta.  

Minkejja li fuq inizjattiva personali jidher li hemm attivisti ta’ Delia li saħansitra qed jheddu illi jekk ma jitlax il-kandidat preferut tagħhom se jkunu qed imorru jieħdu t-tessera quddiem il-bieb tad-Dar Ċentrali, jew inkella għal dawk li mhumiex membri, il-maktur tal-PN bħala sinjal ta’ protesta. 

L-affarijiet komplew jiżviluppaw b’mod drammatiku hekk kif fl-aħħar sigħat qabel ma bdiet il-votazzjoni fl-aħħar diskors tal-kampanja Adrian Delia deher ikellem folla, f’isteriżmu u rabja, u allega li attivisti Nazzjonalisti li jappoġġjaw lilu kienu mhedda li jitkeċċew mill-PN u anke mix-xogħol tagħhom. 

L-attakki saħansitra saru wkoll fuq il-kap uxxenti Simon Busuttil ftit wara li li għadda l-kummenti fil-konfront ta’ Delia. Filwaqt li kien hemm paritarji li rringrazzjawh tax-xogħol kien hemm oħrajn li qalulu illi żmienu spiċċa u allura ma kellux juri preferenzi bejn kandidat u ieħor. 

Xi tesserati li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi fost l-għeruq kienu bosta dawk li ma qablu xejn mal-idea ta’ dibattiti televiżivi għax rawhom bħala mod illi bih il-‘feriti’ fil-PN kienu qed ikomplu jinkixfu għall-pubbliku. “Qed inpaxxu lill-Partit Laburista,” huwa kumment li ntqal lil din il-gazzetta imma li dewa wkoll f’bosta kummenti fuq il-midja soċjali. 

 

 

 

 

More in Politika