Bartolo u Scicluna jagħtu daharhom għall-proposta tas-sick leave
Il-Ministru tal-Finanzi jgħid li kif inhi l-proposta tippenalizza lil min huwa ġenwin
More in Politika
Il-Ministru tal-Finanzi jgħid li kif inhi l-proposta tippenalizza lil min huwa ġenwin
Il-Ministru responsabbli mill-qasam tax-Xogħol Evarist Bartolo ingħaqad mal-Prim Ministru Joseph Muscat kontra l-proposta tal-Malta Employers Association (MEA) biex l-ewwel ġurnata li ħaddiem jieħu ‘sick’ ma titħallasx.
Mistoqsi minn din il-gazzetta, jekk il-kabinett għandux jikkunsidra jew inkella jeskludi din il-proposta, Bartolo kien ċar; ‘Filwaqt li nieħu nota tal-miżura, ma naqbilx magħha.’
Min-naħa l-oħra, minkejja li indika li huwa kontra l-kunċett tal-proposta, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien iktar kawt. “Ladarba jiena nitlob għall-proposti għall-baġit mingħand l-imsieħba soċjali u l-proposti jsiru ma nistax imbagħad ngħid li mhix se nisma’ proposta partikolari.” Scicluna iżda pront itenni l-ħsieb tiegħu li l-miżura partikolari se tfisser illi se jeħel kulħadd, anke min huwa ġenwin. “Il-miżura, kif proposta, tweġġa’ lil min huwa ġenwin. Hemm modi oħrajn kif nistgħu niġġieldu l-abbuż u jidhirli li f’dan l-istadju ħadd mhu qed jgħid li m’hemmx abbuż. Anke l-unjins jirrealizzaw dan.”
Scicluna sostna li l-problema tal-abbuż fil-fatt mhix awtomatikament relatata mal-jiem ta’ wara tmiem il-ġimgħa biss. “Huwa ppruvat li fil-fatt it-teħid tal-benefiċċju tal-mard huwa kkorrellat ukoll mal-kuntentizza fuq il-post tax-xogħol. Inqas kemm il-ħaddiem ikun kuntent fuq il-post tax-xogħol, aktar jittieħdu ġranet ‘sick’.
Il-Ministru Scicluna ppropona wkoll iżda illi f’dan il-każ jitħaddem il-kunċett tal-flexi-time. “Illum m’għadniex qed ngħixu fi żmien il-brodu. Jekk hemm il-mekkaniżmu ta’ sigħat flessibbli, mela fejn possibbli l-impjegtur u l-impjegat jistgħu jaslu fi qbil ta’ kif l-aħjar li jitqassmu s-sigħat.”
Il-Ministru tal-Finanzi jinsisti li jekk hemm il-possibbilità li jintlaħaq qbil fuq sigħat flessibbli bejn il-partijiet dan għandu jintlaħaq.
Il-proposta tal-Malta Employers Association qajmet dibattitu sħiħ, bil-unjins joħorġu kontra din il-proposta u jsostnu illi hija ‘tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiem.’ Din imma kienet biss proposta waħda minn bosta, bil-gazzetta ILLUM ta’ nhar il-Ħadd li għadda tiddedika paġna għall-proposti tal-istess assoċjazzjoni, fosthom dwar il-festi pubbliċi u l-proposta biex in-negozji ma jibqgħux iħallsu rati ogħla minn dawk residenzjali għas-servizzi tad-dawl u l-ilma.
L-oppożizzjoni tal-Ministru Bartolo tiġi wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu wera ruħu kontra din il-proposta, hekk kif f’kummenti l-ġimgħa l-oħra indika li din il-proposta lanqas biss se tkun diskussa. Muscat qal lill-gazzetta The Times illi l-proposta kienet ‘a non-starter’.