Randolph Debattista maħtur Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista minflok Ġino Cauchi

Il-Partit Laburista jagħmel diversi tibdiliet f'uħud mill-karigi tiegħu

L-Avukat Randolph De Battista se jassumi l-kariga ta' Kap Eżekuttiv ġdid tal-Partit Laburista mit-Tnejn li gej. Fl-aħħar snin Dr De Battista ħadem fi Brussell, kemm fir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta kif ukoll kien membru tat-tim tan-negozjatur ewlieni għal Brexit, Michel Barnier. De Battista diġà ħadem fil-Partit Laburista qabel l-2013 meta kien fit-tim tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista.

“Flimkien mat-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, se naħdmu biex nassiguraw li l-Partit Laburista jibqa’ l-iktar partit organizzat u b’saħħtu f’pajjiżna,” qal De Battista.

Il-Partit Laburista se jkollu wkoll Direttur tal-Komunikazzjoni ġdid. Aleander Balzan, li hu kwalifikat fil-komunikazzjoni, il-politika u l-istudji ewropej, se jassumi dan l-irwol wara li fl-aħħar tliet snin u nofs kien Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE.

Se jkun Owen Galea li jassumi l-irwol ta’ Kap tal-Aħbarijiet. Galea, gradwat fil-Komunikazzjoni, għandu esperjenza f’bosta oqsma tal-ġurnaliżmu u ħadem ma’ wħud mill-iktar djar tal-midja stabbiliti fil-pajjiż.

Il-persuni li kienu f’dawn il-karigi għażlu li jissoktaw bil-karrieri tagħhom fi bnadi oħra, bid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona, irringrazzja lil Gino Cauchi u Nigel Vella għall-ħidma tagħhom f'dawn il-karigi fl-aħħar snin.

"Il-ħatriet ta' persuni ġodda li jokkupaw karigi tant importanti huwa xhieda ta' tiġdid kontinwu u ta' kontinwazzjoni ta' bidla ġenerazzjonali fi ħdan il-Partit Laburista. Din il-bidla se tkompli tassigura li l-istruttura tal-Partit Laburista tkun dejjem aktar lesta għal aktar sfidi u suċċessi," qal id-Deputat Mexxej Cardona.

More in Politika