Ġiet diferita b’ġimgħa deċiżjoni sabiex l-appelli fuq il-każijiet relatati mal-Panama Papers jinstemgħu fil-miftuħ. L-Imħallef Antonio Mizzi wasal għal din id-deċiżjoni hekk kif l-avukati opposti qalu li jħejju s-sottomissjonijiet għat-talba li saret mill-avukat Jason Azzopardi biex l-appelli, li jammontaw għal sebgħa, jinstemgħu fil-miftuħ.
L-appelli saru wara d-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia li tinfetaħ inkjesta fuq allegat ħasil ta’ flus, liema talba kienet saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. L-Oppożizzjoni ressqet ukoll talba biex dawn l-appelli ma jibqgħux għas-smigħ quddiem l-Imħallef Mizzi għaliex miżżewweġ lill-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi. Is-seduta għad-deċiżjoni issa se ssir fit-18 ta’ Settembru li ġej.