L-Ewroparlamentari Alfred Sant ma pparteċipax fil-votazzjoni li kien hemm waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Strasburgu fuq in-nomina tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Ikkuntattjat mill-ILLUM kelliem għal Alfred Sant ikkonferma li l-Kap tad-delegazzjoni Laburista ma pparteċipax għal dan il-vot, li kien wieħed sigriet.
B’556 vot favur u 82 vot kontra l-Parlament Ewropew approva n-nomina tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sabiex ikun membru tal-kumitat ta’ esperti li se jwettaq skrutinju u jagħti pariri tekniċi fuq in-nomini tal-Imħallfin għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Għall-vot kien hemm 35 Ewroparlamentari li astjenew iżda bi 83% jgħidu iva, l-vot kien wieħed qawwi favur Simon Busuttil li issa se jkun qed jieħu post it-Taljan Luigi Berlinguer f’dan il-kumitat.
Simon Busuttil, li kien nominat mill-kumitat legali tal-Parlament Ewropew (JURI) se jkun qed jirrappreżenta l-Parlament f’dan il-kumitat li huwa magħmul minn seba’ membri fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien se jitkellem mal-MEPs Laburisti Maltin biex jivvutaw favur din in-nomina.
F’reazzjoni għal din l-istorja, l-Partit Nazzjonalista sostna li għalkemm kien preżenti għall-votazzjoni, Alfred Sant għażel li ma jipparteċipax bil-kontra ta’ dak li Joseph Muscat qal li kienu se jagħmlu l-MEPs Laburisti.