Filmat | Lest itella' l-Gvern il-Qorti fuq transfers 'vendikattivi'
F'intervista mal-ILLUM Adrian Delia jgħid li hu 'seren' u japoloġizza għal mod kif tilifha lejliet il-vot tal-Kunsillieri
minn Albert Gauci Cunningham
Is-Sibt li għadda bil-lejl għall-ħabta tal-11, id-Dar Ċentrali nfaqgħet f’ewforija hekk kif irriżulta li Adrian Delia b’616-il vot kien l-aktar kandidat mill-erbgħa li kiseb voti minn fost il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm għad fadal l-ikbar test elettorali, dak li fih jeħtieġ jivvutaw mat-22,000 tesserat, il-mument li nkiser is-silenzju f’Tal-Pietà bħal donnu ħafna aċċettaw b’ferħ jew b’rassenjazzjoni li l-elezzjoni se tagħti lil Delia bħala s-seba’ Kap tal-PN mill-140 sena ta’ eżistenza.
Imma Delia jħoss li rebaħ diġà? Ġewwa x-xilep? U qed jibbattalja b’għarfien li r-rebħa tiegħu hija inevitabbli? F’intervista ma’ din il-gazzetta fl-uffiċċju tiegħu fil-Belt Valletta Delia huwa pront, b’ton kważi ċelebratorju li jikkumenta dwar ir-rebħa li għamel fost il-Kunsillieri minkejja kull kurrent. “Il-kunsillieri huma l-għeruq tal-partit, kif jgħid isimhom stess huma jagħtu l-kunsill lill-partit. Huma l-aktar nies li jafu dak li għandu bżonn il-partit. Issa l-Kunsillieri għamlu l-għażla tagħhom u meta għamlu dan semgħu wkoll dak li kienu qed jgħidu n-nies fit-triq.”
Huwa jgħid illi mill-mument li tħabbar ir-riżultat tal-ewwel votazzjoni, li b’sorpriża poġġieh quddiem Chris Said u li wassal biex Alex Perici Calascione jirtira anke jekk kien hemm indikazzjonijiet li dan kellu ċans jgħaddi għat-tieni fażi, huwa esperjenza bħal trasformazzjoni. “Mill-mument li ħriġt mil-lift biex niltaqa’ man-nies ħassejt li m’għadnix Adrian Delia sempliċiment f’kampanja, imma Adrian Delia li jista’ jkollu r-responsabbilità ta’ partit sħiħ. U biex inwieġbek, “ikompli jgħid għall-mistoqsija tal-ILLUM, “le mhux ġewwa x-xilep. Wara li rajt dan ir-rizultat pjuttost massiċċ...qgħadt kwiet, għalija. Minflok l-għajta tar-rebħa bdejt inħoss it-toqol tar-responsabbilità. Tinqata’ mill-kampanja u tibda tirraġuna għall-partit mhux għalik. Mill-ewwel bdejt insejjaħ għall-għaqda, il-kalma u l-kooperazzjoni. Għidt li issa l-mument li l-partit jingħaqad.”
Fir-realtà, Delia m’għandu ebda għażla oħra. Jekk il-PN ma jingħaqadx se jkollu problema trippla. Apparti li jdawwar il-mewġa kontrih u favur il-Partit Laburista, apparti li jirbaħ fuq politiku li s’issa qatt ma tilef (Joseph Muscat) se jkollu wkoll jgħaqqad warajh elementi influwenti li mhux qed jgħamlu l-antipatija u d-dubji fih xi sigriet.
kapaċi nikkonvinċi lil Jason Azzopardi li m’iniex żiemiel ta’ Trojja imma li jien l-interess tiegħi huwa l-PN Adrian Delia
Nemmen li kapaċi nikkonvinċi lil Jason Azzopardi
Infakkru f’messaġġ li kiteb id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u li fih akkuża lil Delia, anke jekk mhux b’ismu illi dan huwa “żiemel tat-Trojja” ta’ Kastilja. Delia diġà qal li ma qarax il-kummenti ta’ Azzopardi u li mhux beħsiebu jibda issa. Meta mistoqsi waqt l-aħħar dibattitu bejn l-erba’ kandidati l-ġimgħa l-oħra.
Imma jekk ikun Kap tal-PN, ma jistax jinjorah. Jekk elett kap, kif se jaħdem ma’ xi ħadd li jarah bħala għodda f’idejn Gvern Laburista? “Bħala stat ta’ fatt Jason Azzopardi mhux qed jappoġġja lili u dan huwa pubbliku,” jibda jirrispondi Delia. “Imma ċert illi wara l-entużjażmu tal-kampanja u fil-kalma Jason Azzopardi jara l-buon sens u l-bżonn tal-partit. Bħalma kkonvinċejt lill-biżżejjed kunsillieri u bħalma qed nikkonvinċi lit-tesserati, nemmen li kapaċi nikkonvinċi lil Jason Azzopardi li m’iniex żiemiel ta’ Trojja imma li jien l-interess tiegħi huwa l-Partit Nazzjonalista.”
Min jgħix fid-dinja tal-blogg lili ma jafnix
Imma l-akkużi mhux minn Azzopardi biss ġejjin. Bosta minn dawk li jsegwu u jipparteċipaw fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, u qed nassumu li l-maġġoranza skjaċċanti tagħhom huma votanti u sostenituri tal-PN, qed jarawh bħala ‘thedida’ għall-immaġini ta’ partit onest u kontra l-korruzzjoni.
“Jiena ma naqrahiex lil Daphne,” jibda jwieġeb Delia. “Min jgħix fid-dinja tal-blogg separat mir-realtà, maqtugħ mir-realtà jikkumenta dwar dak li hemm fil-blogg. Min jafni, min jgħix fil-ħajja normali, jaf li dik id-dinja hija fittizja u maqtugħa mir-realtà. Jien irrid nurihom lil dawn in-nies li jien persuna onesta, li ħadmet bl-għaraq ta’ ġbinha biex għandha dak li għandha u li dejjem iġġilidt il-korruzzjoni. Dejjem għamiltu dan, fil-futbol wettaqt ġlieda bla rażan kontra l-korruzzjoni, anke meta kien hemm theddid ta’ kull xorta. Jekk il-poplu Nazzjonalist jagħżel lili, imbagħad iġġudikawni fuq dak li nwettaq mhux dak li tgħid blogger. Imbagħad ikollkom il-vot u bih, mhux bil-kalunji, tistgħu tgħaddu ġudizzju...”
Hemm ‘ċertezza’ li l-Kap tal-PN se jkun Kap tal-Oppożizzjoni
Minkejja li għaddew ġimgħat ta’ kampanja issa, Delia għadu ma weġibx mistoqsija kruċjali. Min se jċedi s-siġġu Parlamentari jekk kemm-il darba Delia ikun elett Kap tal-PN? Herman Schiavone diġà qal li mhux hu, mela min?
“Mhux għaqal li f’dan il-mument fejn għadni m’iniex Kap tal-PN nitkellem dwar dan. Il-konvinzjoni assoluta tiegħi hija illi fi żmien qasir wara li issir l-elezzjoni l-Kap tal-PN, isir Kap tal-Oppożizzjoni u jieħu postu fil-Parlament.
Imma hemm ftehim jew le? “Hemm iċ-ċertezza u l-konvinzjoni li l-kap tal-partit ikun il-Kap tal-oppożizzjoni,” reġa’ tenna Delia.
Il-bibien miftuħin...imma mhux għal kulħadd
Fil-bidu tal-kampanja Delia kien għamilha ċara dwar Franco Debono. “Jidhirli li postu mhux fil-PN.” Hu kien iktar tard ikkwalifika kif minkejja li ma jridx lil Franco Debono lura fil-partit, lest li jisma’ dak li għandu xi jgħid.
Ngħidlu li se nagħtih lista ta’ persuni u jrid jgħidli jekk għal dawn, il-bibien tal-PN hux se jkunu miftuħin, jew magħluqin.
Jinterrompi qabel insemmi l-ismijiet u jgħidli li l-istess prinċipju jaħdem għal kulħadd. “Mill-ewwel ġurnata għidt li l-bibien tal-PN għandhom ikunu miftuħin għal kulħadd, Nazzjonalist jew le. Ili mill-2013 ngħidu dan. Jien qed indur fil-każini tal-PN u hemmhekk ġieli jiġu laburisti fuqi. Meta jgħiduli ‘jien laburist’ inweġibhom ‘jien ma jinteressanix’. Jekk hemm persuna, hi min hi, li għandha x’tikkontribwixxi jien għandi obbligu nisma’.
Imma nfakkru li hu għamilha ċara li nies bħal Franco Debono mhumiex se jkunu milqugħa fid-Dar Ċentrali. “Iva, f’kollox dan. Għax ma tkunx ġewwa nett ma jfissirx li int eskluż. Għax int nisrani ma jfissirx li tista’ tmur il-Vatikan u tiddeċiedi int, hemm livelli fejn tista’ tipparteċipa.”
Naħseb li iva, l-PN fl-aħħar erba’ snin sar aktar esklussiv Adrian Delia
Iltaqa’ ma’ Mugliette, JPO għamel l-għażliet tiegħu u John Dalli...
Nibdew bl-ewwel isem; Jesmond Mugliette? “Diġà kellimtu lil Mugliette, kif qed inkellem lil kulħadd. Tkellimt miegħu dwar dak li ġara u Mugliette għandu l-ideat tiegħu. Huwa persuna li għadda minn ħafna u li weġġa’ fil-politika.”
Mistoqsi jekk stednux biex jerġa’ jibda jipparteċipa fil-PN, Delia qal illi wieħed irid jara f’liema stadju tkun persuna. “Ħadd mhu se joqgħod imdendel jistenna li jiddaħħal lura. Xtaqt nisimgħu, iktar milli ngħidlu jien x’għandu jagħmel.”
Jeffrey Pullicino Orlando? “ma kellimtux, imma naħseb l-għażliet tiegħu għamilhom. Kienet għażla tiegħu li jitlaq mill-partit.”
John Dalli? “Ma kellimtux. Naħseb John Dalli qabeż l-età tal-parteċipazzjoni u hemm kwistjonijet ta’ ċerta portata wkoll. Bl-ebda mod ma naħseb li Dalli għad għandu interess ta’ x’inhu jiġri fil-politika lokali, mhux bħal Michael Falzon biex nagħti eżempju.”
...diġà bdew ġejjin lura n-nies
U dawk il-madwar 40,000 votant li elezzjoni wara l-oħra qed jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista, x’se jagħmel biex iġibhom lura lejn il-PN? “Diġà bdew ġejjin lura n-nies. Nies li kienu rmew it-tessera u li issa reġgħu ġejjin lura, qed jimlew il-formoli biex jerġgħu jkunu membri tal-PN.”
Huwa jaċċerta li l-valuri tal-PN mhux se jinbidlu “għax mhux għall-bejgħ. Jien mhux qiegħed hawn biex inbiddel il-valuri tal-partit, imma biex nagħmel partit aktar akkoljenti, partit li jagħmel l-affarijiet minn isfel għal fuq, partit tal-ħafna mhux tal-ftit, il-partit tal-inklużjoni mhux tal-esklużjoni, mhux partit tad-diviżjoni, mhux ngħidu li n-nies għandhom tort jew huma ħżiena imma naraw x’inhuma l-ideat tagħhom.”
Qed jgħid li taħt Simon Busuttil il-PN sar esklussiv u diviżiv? “Naħseb li iva, il-PN fl-aħħar erba’ snin sar aktar esklussiv. Il-PN kellu politika b’saħħitha fil-prinċipji u fil-korruzzjoni, imma trid tindirizza ċerti kwistjonijiet oħrajn. Jien ili ngħid li m’aħniex qed ngħixu fin-normalità, imma meta nreġġgħu lill-pajjiż lura għan-normalità, imbagħad ma nistgħux ninsew kwistjonijiet oħrajn. Dan bħal fil-familja. Tajjeb li lit-tfal ngħallmuhom dwar il-prinċipji. Imma mbagħad ma nistgħux ninsew kwistjonijiet oħrajn. It-tfal trid tgħallimhom il-prinċipji, imma jridu jieklu wkoll. Jiddevertu wkoll,” itemm jgħid.
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ‘bla direzzjoni’
Infakkru illi l-poplu, jew maġġoranza tiegħu jħoss li dan it-tħassib qed jidirizzah Muscat. Mela allura għalfejn għandu jagħżel lil Delia? “Veru,” jammetti Delia, “imma fuq bażi short term. Billi jaqdi l-bżonnijiet ta’ setturi differenti b’konvenjenza. M’hemmx ippjanar u m’hemmx viżjoni.”
Huwa jsemmi t-turiżmu bħala eżempju u jistaqsi jekk hux qed nippjanaw bħala pajjiż. Jekk hux qed nikkunsidraw il-ħsara li jgħid li qed issir minħabba “r-rovina u l-bini bla rażan. Kieku għal kull sular li żidna, żrajna siġra...”
Delia jgħid li dan il-gvern “ikkalpesta” l-ambjent filwaqt li jsostni illi hemm bżonn ta’ ħidma biex ikun hemm tħaddir tal-pajjiż u biex ikun hemm pjani dwar l-ilma u arja nadifa, fost l-oħrajn. “X’inhu l-pjan għal Malta ta’ 20 sena mil-lum? X’inhi l-viżjoni tal-Gvern preżenti?
Delia jsostni li pajjiżna għandu bżonn inizjattivi ta’ “investiment mir-riħ, enerġija mill-mewġ, enerġija solari. Nistgħu naspiraw li nkunu l-ewwel pajjiż li jkun carbon neutral. Nistgħu niżviluppaw bi pjan, mhux skont min jiġi għall-permess. Fil-verità għandna lanqas biss bdejna.”
Delia jakkuża lill-Partit Laburista illi mexxa bil-politika tal-populiżmu. “Il-Gvern ikkonċentra fuq xi jridu setturi speċifiċi. Li taqdi mhux ħażin, imma li tagħti eluf ta’ impjiegi meta suppost hemm metodu u proċess huwa ħażin. Kif jista’ l-Gvern li suppost qed jara li ma tinkisrix il-liġi jiksirha hu stess u jqassam impjiegi bl-addoċċ?” jistaqsi Delia.
“Daħħal nies mela, fejn hemm bżonn. Mhux fejn hemm bżonn elettorali.”
Huwa f’dan il-punt tal-intervista li Delia jwiegħed li fejn kien hemm inġustizzji jew fejn persuna kellha dritt “għall-promozzjoni imma jaqbżek xi ħadd sempliċiment għax ta’ partit ieħor,” il-PN se jieħu azzjoni fil-Qrati jekk il-Gvern ma jreġġax lura l-istess inġustizzja. “Fejn saru tranfers vendikattivi l-PN se jkun it-tarka ta’ dawk in-nies,” wiegħed Delia li semma’ diversi entitajiet illi fihom qed jallega li saru tali transfers vendikattivi.
Qlajt minn kullimkien bla rażan u minn ċerti nies, bla limitu u diċenza umana Adrian Delia
Ridt seba’ ħajjiet biex inkun dak kollu li allegaw fuqi...
Naturalment ladarba qed nintervista lil Adrian Delia, ma nistax ma nsemmix is-sħaba sewda li ntefgħet fuqu b’allegazzjonijiet serji li għandu kont f’Jersey u li minn dan il-kont għaddew flus li ġejjin mill-prostituzzjoni. Hu dejjem ċaħad u sostna li l-kontijiet kienu ‘client account’ u mhux tiegħu.
Imma lil hinn mill-allegazzjonijiet li anke fl-intervista qed jibqa’ jiċħad, il-komportament tiegħu l-ġimgħa l-oħra kemm meta daħal id-Dar Ċentrali ma’ folla nies u qal li l-PL huwa l-għadu kif ukoll fl-aħħar attività tiegħu qabel l-ewwel votazzjoni, ma jistax jiċħadha. Deher taħt pressjoni, irrabjat u xi minn daqqiet isteriku.
“Dak id-diskors seħħ wara 10 ġimgħat ta’ kampanja intensiva. Qlajt minn kullimkien bla rażan u minn ċerti nies, bla limitu u diċenza umana. Jien seren,” sostna Delia, “għax liġi qatt ma ksirt u etika qatt ma ksirt. Fejn aġġixxejt, dejjem għamilt dan b’korretezza.”
Huwa elenka l-akkużi li saru fil-konfront tiegħu, “u filli qalu li jien miljunarju, filli fallut li se naħtaf partit biex inħallas id-dejn, imbagħad traffikant tad-drogi, imbagħad imdaħħal fil-prostituzzjoni, issa li jien mażun u li ta’ madwari faxxisti. Ridt seba’ ħajjiet biex nagħmilhom kollha dawn l-affarijiet.”
“Jekk urtajt lil xi ħadd bil-mod kif tkellimt niskuża ruħi, imma dak kien kollu li bdejt inħoss. Għidt dak kollu li ħassejt f’qalbi. Dak kien l-Adrian Delia wara 10 ġimgħat ta’ kampanja.”
U finalment. Delia jemmen li kapaċi jirbaħlu lil Muscat? “Nemmen li kapaċi illi bil-politika tal-verità li nirbaħ lura l-qlub. Fi 22 xahar nippreżenta l-aħjar PN u konvint li f’erba’ snin u nofs nwasslu lill-PN fl-aħjar forma li jkun denju li jiggverna.”