Jitkellmu ‘l-idejn u l-għajnejn’ tal-kandidati għal Kap tal-PN

Iż-żewġ naħat jaqblu li l-elezzjoni kienet aktar miftuħa bis-sehem tal-Kunsilliera u t-tesserati

Hekk kif l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista issa għaddiet għat-tieni parti, dik li fiha se jivvutaw it-tesserati tal-partit wara li vvutaw il-Kunsilliera, l-ILLUM tkellem mal-'campaign managers' taż-żewġ kandidati Chris Said u Adrian Delia, li għaddew għal din il-parti tal-elezzjoni. Il-Kap il-ġdid se jinħatar fis-16 ta’ Settembru li ġej.

 

Ta’ Chris Said iwieġbu....

Kien ikun aħjar f’terminu ta’ kampanja li kieku l-elezzjoni saret mat-tesserati mal-ewwel flok maqsuma fi tnejn bil-Kunsilliera tal-partit ukoll?

Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta' partit politiku Malti li l-membri kollha ta' partit se jkollhom vuċi fuq min għandu jkun kap, il-bniedem li jirrapreżentahom. Dan l-eżerċizzju huwa diġà pożittiv ferm. Wieħed dejjem jista' jara x'seta’ sar aħjar. Nemmen li f'kull ċirkostanza, fejn hu possibli, il-vuċi għandha tingħata lill-membri kollha.

Kif taħseb li l-elezzjoni quddiem it-tesserati se tkun differenti mill-elezzjoni fost il-Kunsilliera?

Huwa xenarju totalment differenti. Mat-tesserati għandek territorju, demografija, interess u fehmiet iktar wiesgħa. Hija kampanja nazzjonali li tirrikjedi ħafna aktar enerġija u riżorsi. Il-mezz kif wieħed jitkellem mat-tesserati huwa differenti wkoll. It-televiżjoni u l-midja soċjali jiġu ferm aktar importanti f'dan l-istadju. Mal-kunsilliera l-element personali joħroġ iktar fid-deher.

Tikkonferma jekk sarux telefonati minn xi kamp jew mid-Dar Ċentrali biex ma jintgħażilx xi kandidat ieħor?

Nitkellem għall-kamp tagħna. Fl-ebda ħin u mument ma saret pressjoni fuq x'ma għandhomx jagħmlu l-votanti. Aħna ppreżentajna argumenti sodi u validi li qabel kollox jolqtu l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u dawk il-Maltin li għandhom għal qalbhom il-Partit Nazzjonalista. Huwa f'idejn il-votanti li jixtarru u mbagħad jagħżlu. Hija għażla li se jagħmlu wkoll għall-pajjiż.

Wettaqtu stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar il-preferenzi lejn il-kandidati?

Le. L-uniku stħarriġ li jgħodd hu dak tas-16 ta’ Settembru. Ta’ min wieħed jsemmi u jirringrazzja l-voluntiera ta’ żewġ kampijiet li wara telfa elettorali daħlu għal biċċa xogħol iebsa. Ħafna mill-voluntiera għamlu sagrifiċċji enormi, ħinjiet twal ’il bogħod mill-għeżież tagħhom kollha b’għan wieħed, il-ġid tal-Partit Nazzjonalista. L-importanti li wara is-17 ta’ Settembru, għal dawk il-Maltin li għandhom għal qalbhom il-Partit Nazzjonalista, ikun hemm rebbieħ wieħed biss li huwa l-partit.

 

Ta’ Adrian Delia jwieġbu...

Kien ikun aħjar f’terminu ta’ kampanja li kieku l-elezzjoni saret mat-tesserati mal-ewwel flok maqsuma fi tnejn bil-Kunsilliera tal-partit ukoll?

Il-partit tagħna huma n-nies, huma n-nies li jagħtu l-ħajja lill-partit sew jekk huma Kunsilliera jew tesserati. Il-Kunsilliera tagħna huma n-nies li ta’ kuljum jaħdmu għall-partit, jiltaqgħu man-nies fit-toroq tagħna, jifhmu l-problemi tagħhom u huma l-pilastri tal-partit fis-soċjetà. Huwa għalhekk importanti li l-vuċi tagħhom jinstema’, mhux biss fl-elezzjoni ta’ Kap, iżda matul is-sena kollha biex hekk il-partit jkun vera viċin hu rappreżentant tan-nies, inkluż it-tesserati tagħna. It-tesserati huwa n-nies f’soċjetá li qed jgħixu l-ħajja ta’ kuljum, bil-ferħ u l-problemi li ġġib magħha l-ħajja. Bħala partit rridu nkunu verament qrib tan-nies, u għalhekk iktar ma jkun miftuħ il-proċess ta’ elezzjoni ta’ Kap, u iktar ma jkollhom vuċi t-tesserati tagħna, aktar jis-saħħaħ il-partit, hu aktar ikollna Kap li jirrapreżenta s-soċjetà kollha kemm hi. Għalhekk naħseb li kienet idea tajba li ninkludu kemm lill-Kunsilliera kif ukoll it-tesserati f’din elezzjoni.

Kif taħseb li l-elezzjoni quddiem it-tesserati se tkun differenti mill-elezzjoni fost il-Kunsilliera?

Il-Kunsilliera tagħna tkellmu b’vuċi b’saħħita ħafna hu taw messaġġ ċar. Il-partit għandu bżonn jerġa’ jibda jkun viċin tan-nies. Għandu bżonn jifhem lin-nies, jifhem l-aspirazzjonijiet tan-nies, il-problemi tagħhom u jgħin biex fis-soċjetà kulħadd jimxi ’l quddiem. Għalhekk il-messaġġ tagħhom ta’ tama ġdida hu tiġdid fil-partit, naħseb huwa l-messaġġ li zġur jirrifletti l-ħsibijiet u x-xewqa tat-tesserati wkoll.

Tikkonferma jekk sarux telefonati minn xi kamp jew mid-Dar Ċentrali biex ma jintgħażilx xi kandidat partikolari?

Il-kampanja tagħna hija bbażata fuq in-nies. Il-mod ġdid li l-PN vera jkun viċin in-nies. Għalhekk Adrian Delia ried li dawn il-ġranet iqattagħhom man-nies. Ried jintaqa' magħhom fil-post tax-xogħol tagħhom, f’darhom, fíl-festi tal-villaġġ, fix-xalati u fil-każini tagħna. Għalhekk qatt ma kelna l-edba kamra fid-Dar Ċentrali u lanqas biss kellna aċċess għat-telefon. Għalhekk nikkonferma li qatt ma saru l-ebda telefonati lil xi attivist fíl-partit biex b’xi mod nagħtu dell ikrah fuq xi kandidat ieħor. Dan mhux l-istil tagħna. Sfortunatament ċemplulna ħafna nies li qalu li kienu kkuntattjati kemm-il darba, fuq medda ta’ ħafna ġimgħat, minn esponenti ewlenin fil-partit biex jippruvaw jinfluwenzaw il-mod kif se jivvutaw. Kull meta aħna rċevejna dawn il-messaġġi min-nies għaddejniehom lill-amministrattiv tal-Partit minnufih.

Wettaqtu stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar il-preferenzi lejn il-kandidati?

Ir-rispons li kellna min-nies, għall-mod ġdid kien inkredibbli. Kuntatt man-nies huwa l-aħjar forma ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika.

More in Politika