Mid-dikjarazzjoni finanzjarja ta’ Adrian Delia jiriżulta li għandu b’valur nett ta’ €1.6 miljun u għandu propjetá bi €2.25 miljun. Delia għandu wkoll ishma b’€40,565 f’ħames kumpaniji, sehem f’Mġarr Developments Limited b’aktar minn €185,000 u assi oħra li jammontaw għal €74,936.
Mid-dikjarazzjoni jirriżulta li għandu b’self ta’ €829,510 mal-banek Maltin, overdraft u bilanċ fuq karti tal-kreditu b’total ta’ €104,426. Dan apparti obbligazzjonijiet u pagamenti arretrati ta’ taxxa li jammontaw għal €86,784.
Aktar kmieni:
Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li għada se jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi u obbligazzjonijiet, li se tkun tinkludi wkoll l-interessi finanzjarji tiegħu.
Delia ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-bieb tad-Dar Ċentrali. Adrian Delia personalment kien talab kumpanija tal-awdituri sabiex iwettqu dan l-eżerċizju. Huwa qal li d-dokumenti qed jiġu verifikati u ċertifikati u se jkunu ppubblikati ġurnata qabel l-elezzjoni għall-Kap il-ġdid.
Dwar din l-elezzjoni, Delia qal li se jkun qed jaċċetta ir-riżultat. Adrian Delia flimkien ma’ Chris Said għaddew għat-tieni parti ta’ din l-elezzjoni fejn se jkunu qed jivvutaw it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.