Id-deputat Parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia ressaq mozzjoni biex jinħatar kumitat tad-drittijiet tal-ħajja u dinjitá tal-bniedem. Il-Partit Demokratiku fi stqarrija saħaq li l-Parlament huwa l-post ideali biex id-drittijiet tat-tfal mhux imwielda jiġu diskussi mal-awtoritajiet, is-soċjetá u l-akkademiċi.
Permezz tal-mozzjoni Farrugia qiegħed jipproponi kumitat, magħmul mill-Ispeaker u tliet membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, li jistħarreġ l-liġijiet u jitħadded mal-partijiet kollha għad-drittijiet tat-trabi mhux imwielda mill-konċipment sat-twelid. Qabel il-waqfien għas-sajf tal-Parlament, Godfrey Farrugia kien kiteb lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fejn kien talab il-ħolqien ta’ kumitat bħal dan.
Il-Partit Demokratiku qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien aċċetta din il-proposta iżda mhux l-istess il-Prim Ministru. L-istqarrija tal-PD tenfasizza li l-partit huwa tal-opinjoni li d-dinjitá ta’ kull bniedem mhix biss dritt fundamentali imma hija l-bażi reali tad-drittijiet fundamentali.