Jitħabbar it-tieni kandidat għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku

Wara Anthony Buttigieg, jitfa' ismu għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku Timothy Alden

Timothy Alden; Kandidat għall-Kap tal-PD
Timothy Alden; Kandidat għall-Kap tal-PD

Timothy Alden se jkun it-tieni kandidat li jitfa' ismu għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku wara Anthony Buttigieg. Alden, li kien kandidat f'isem il-Partit Demokratiku fl-aħħar elezzjoni ġenerali qed jisħaq illi l-għan prinċipali tiegħu huwa li jkompli jinbena l-momentum li nqabad diġa favur it-tielet forza politika fil-Parlament Malti. 

"Jekk inħallu l-mentalità tal-politika tal-futbol warajna, jista jkollna l-bidla li neħtieġu li hija pożittiva, mhux sempliċiment bidla biex ngħidu li bdilna. Il-viżjoni tiegħi għall-Partit Demokratiku," ikompli jisħaq Alden, "huwa li dan il-partit iservi ta' pont." Huwa jinsisti għall-politika fejn is-suċċess huwa kkalkulat b'kwalità ta' ħajja aħjar, u permezz tar-rispett. "Insew kliem ta' politika negattiva jew pożittiva. Li ma tkunx negattiv huwa biss mod ta' kif il-Gvern jistaqsik biex ma tikkritikahx. Ejja nitkellmu minflok, fuq il-politika ġusta," Isostni l-kandidat għat-tmexxija tal-PD. 

Fl-ewwel kummenti tiegħu dwar ir-raġuni għalfejn hu se jkun qed jitfa' n-nomina għat-tmexxija tal-PD Alden jisħaq dwar l-importanza tar-rispett u rikonoxximent ukoll lejn dawk il-Maltin li jikkomunikaw bil-lingwa Ingliża u l-bżonn li l-immigranti jiġu integrati aħjar fis-soċjetà Maltija. 

"Ejja nkissru l-illużjoni li hemm biss żewġ modi ta' kif isiru l-affarijiet, li hemm biss żewġ timijiet.fil-fatt suppost ikun hemm tim wieħed biss, tim Malta," itemm jgħid Alden. 

 

 

 

More in Politika