Tibda l-elezzjoni għas-seba' kap tal-PN

15,527 tesserat huma eliġibbli biex jivvutaw u jagħżlu l-kap li jmiss tal-Partit Nazzjonalista

ritratti: James Bianchi
ritratti: James Bianchi

Il-Partit Nazzjonalista llum qed jivvota għas-seba' kap tiegħu, f'elezzjoni li mistennija tara lil Adrian Delia jew lil Chris Said bħala l-kap il-ġdid tal-Partit u għaldaqstant Kap tal-Oppożizzjoni.

15,527 tesserat huma eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni għaliex ġabru d-dokument tal-vot tagħhom, u għall-ewwel darba se jkunu t-tesserati li jiddeċiedu min għandu jkun kap, minflok il-kunsilliera tal-istess partit.

Fil-fatt, l-ewwel fażi ta' din l-elezzjoni saret ġimagħtejn ilu meta l-kunsilliera naqqsu n-numru ta' kandidati għall-din il-kariga, minn erba' għal tnejn.

Fl-elezzjoni tal-lum, jistgħu jivvutaw 12,932, hekk kif 2,595 diġà vvutaw fl-elezzjoni bikrija li saret nhar is-Sibt li għadda. L-elezzjoni qed issir fuq il-Fosos tal-Floriana bejn it-08:00 u d-21:00, l-MFCC, Ta’ Qali bejn it-08:00 u d-21:00 is-Subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex bejn it-08:00 u t-20:00.

Il-kandidati Adrian Delia u Chris Said diġà vvutaw dalgħodu, fuq il-Fosos tal-Furjana u fis-Sannat Għawdex rispettivament. Anke l-kap uxxenti tal-Partit Simon Busuttil tefa' l-vot tiegħu dalgħodu.

Il-mexxej il-ġdid se jkun is-seba' mexxej tal-PN wara Fortunato Mizzi, Nerik Mizzi li miet fil-kariga ta' Prim Ministru, Gorg Borg Olivier, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.

More in Politika