Adrian Delia huwa l-Kap il-ġdid tal-PN

Għalkemm kien hemm kampanja interna kontrih Delia ħareġ rebbieħ 

Adrian Delia rebaħ l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u ġab il-maġġoranza tal-preferenzi tat-tesserati tal-partit fit-tellieqa li kellu ma’ Chris Said. L-elezzjoni għal Kap ġdid tal-partit saret fi tliet postijiet, il-Fosos tal-Furjana, Ta’ Qali u Ta’ Sannat f’Għawdex. Il-votazzjoni għalqet fid-9 ta’ filgħaxija bil-kaxxi bil-voti jaslu fuq il-Fosos fejn sar is-‘sorting’ u l-għadd tal-voti. It-turnout tal-votazzjoni kienet ta’ 95% jew 14,735 ta’ dawk li ġabru l-vot. Hekk kif sar magħruf li Adrian Delia rebaħ din l-elezzjoni, folla kbira ta' partitarji infexxew f'ferħ kbir bl-għajta "Delia Delia' u "Nazzjonalisti, Nazzjonalisti'. 

L-ILLUM kellha indikazzjoni minn kampjun li sar min-nies qrib il-kamp ta’ Delia li sas-2 ta’ waranofsinhar kien qed jirriżulta li sitta minn kull għaxra vvutaw lil Adrian Delia. Huwa rnexxilu jirbaħ din l-elezzjoni għalkemm bosta mid-Dar Ċentrali kienu qed jagħmlu kampanja kontrih. L-ILLUM kienet l-ewwel gazzetta li żvelat kieku kienu qed isiru telefonati mid-Dar Ċentrali kontra Adrian Delia u kif numru ta’ tesserati għal għomorhom intwerilhom il-barra minflok ingħataw il-vot biex jivvutaw. Fuq il-Fosos, il-partitarji ta' Delia qalu li din se tkun 'ħarifa ġdida għall-Partit Nazzjonalista.' Fuq Twitter, il-kandidat l-ieħor għall-elezzjoni ta' Kap Chris Said ikkonċeda t-telfa. 

Said u Delia kienu ż-żewġ kandidati li għaddew għat-tieni parti tal-elezzjoni biex jinħatar is-suċċessur ta’ Simon Busuttil. Fl-ewwel parti tal-elezzjoni fejn kienu vvutaw il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalisa, Adrian Delia kien l-aktar li ġab preferenzi b’616-il vot. Chris Said kien ġab 425 vot. Kienu oriġinarjament erbgħa l-kandidati għal din l-elezzjoni fejn flimkien ma’ Delia u Said ikkontestaw ukoll Alex Perici Calascione u Frank Portelli.

More in Politika