Fl-ewwel diskors tiegħu u għall-għajjat ta’ ‘Delia, Delia’ l-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li l-ikbar ġlieda tal-PN se tkun “kontra l-mibgħeda.”
F’diskors qasir quddiem numru ta’ attivisti u wara illi ħa b’idejn Simon Busuttil, Delia wiegħed ukoll li l-PN se jkompi jiġġieled “għall-verità u se nkomplu niġġilduha kuljum bis-saħħa kollha.”
Filwaqt li sellem lill-mexxejja nazzjonalisti ta’ qablu, Delia qal illi filwaqt li ġimgħatejn ilu l-kunsillieri tal-partit tkellmu “u tkellmu ċar, ilejla tkellmu 15,000 tesserat. Min għada nkunu oppożizzjoni soda u ta’ valuri li ma tiċċaqlaqx fejn hemm ħażin. Irridu nkunu oppożizzjoni kostruttiva wkoll, imma,” reġa saħaq Delia, “f’Malta m’hawnx post il-mibgħeda, imma l-għaqda.”
Delia sostna li mill-lum il-Partit Nazzjonalista "jerġa jsir tan-nazzjonalisti, ta' dawk li telquna għax il-partit weġġagħhom u dawk li qatt ma kienu magħna u se jiġu magħna," sostna Delia għall-approvazzjoni qawwija ta' dawk preżenti.
L-elezzjoni ta’ Delia kienet milqugħa b’fervur kbir, suffarelli, carcades fl-inħawi ta’ madwar il-fosos u għajjat “Nazzjonalisti, Nazzjonalisti”.