Wegħdiet u proposti għall-Ewropa li jistgħu jgħaqqdu jew jifirdu l-Unjoni
L-ILLUM tanalizza d-diskors annwali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea mil-lenti taċ-ċittadini Ewropej
minn Jesmar Baldacchino
Fid-diskors ewlieni tiegħu magħruf bħala State of the Union, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker enfasizza fuq il-ħafna aspetti differenti ta’ fejn sejra l-Unjoni Ewropea. Juncker semma ħafna affarijiet fid-diskors tiegħu mhux biss it-tisħiħ tal-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi imma wkoll ftehimiet ma’ pajjiżi oħra bħall-Awstralja u New Zealand.
Ftehimiet simili għal dak tal-Kanada li se jidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin. Wiegħed ukoll aktar ħidma kontra l-immigrazzjoni illegali u miżuri aktar konkreti għar-ritorn ta’ dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Huwa wiegħed ukoll il-pożizzjoni ta’ President tal-Unjoni Ewropea u pożizzjoni oħra simili għaż-żona ewro.
Jean Claude Juncker enfasizza fuq kif l-Unjoni reġgħet qamet fuq saqajha wara l-kriżi finanzjarja internazzjonali u kif qed tingħeleb l-isfida tal-politika popolista. Dan f’diskors mill-President tal-Kummissjoni Ewropea li qisu jixtieq jibdel l-Unjoni Ewropea billi juża l-pożizzjoni tiegħu u jagħmel pressjoni fuq il-mexxejja Ewropej, b’diskors li kien popolist, it-tip ta’ politika li qal li jrid jegħleb.
Stabbilixxa wkoll miri li opinjonisti Ewropej qed jaraw li mhux neċessarjament jistgħu jintlaħqu sakemm, min bħalu bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tmexxija, ma jirrikonoxxix li l-Ewropa spiċċat qisha ferrovija li nqasmet f’żewġ binarji, b'dawk il-pajjiżi li qed jimxu ’l quddiem u oħrajn li għadhom qed ikaxkru saqajhom fir-riformi.
Dwar id-diskors ta’ State of the Union, l-ILLUM tkellmet maż-żewġ opinjonisti lokali Jesmond Saliba u Sergio Mallia.
Jesmond Saliba, preżentatur ta’ programmi lokali tal-Kummissjoni Ewropea qal li State of the Union kien diskors passjonali fuq id-dimensjoni politika tal-proġett Ewropew, b'perspettiva ta' fejn sejra l-Ewropa fiċ-ċirkostanzi attwali u dawk tal-passat reċenti, fosthom il-Brexit.
‘Diskors passjonali fuq id-dimensjoni politika tal-proġett Ewropew’ Jesmond Saliba
It-tisħiħ tal-proġett Ewropew huwa rifless fil-mod kif ġew preżentati proposti li jbiddlu l-istrutturi biex ikunu rappreżentattivi, magħquda u tibdil fil-mod kif isiru d-deċiżjonijiet biex ikunu aktar flessibbli. Kien diskors li jħares 'il quddiem b'ottimiżmu, kemm minħabba l-mod kif qed tirkupra l-ekonomija Ewropea kif ukoll għal mod kif issaħħet id-dimensjoni Ewropea b'mod ġenerali wara r-riżultat ta’ Brexit.
Ġew elenkati punti kardinali marbutin mal-kwistjoni fit-Turkija u fuq kollox dwar il-mod kif se taħdem l-Unjoni Ewropea fil-futur.
Sergio Mallia spjega kif id-diskors ta’ Juncker żgur jinżel tajjeb ma min hu pro-EU għax jippromovi iktar Ewropa magħquda, Politika iktar kontabbli u joffri triq il-quddiem fuq il- prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropeja.
‘Huma l-Gvernijiet flimkien mal-Parlament Ewropew li se jiddisponu’ Sergio Mallia
Huwa pożittiv li l-Kummissjoni tidher li hija determinata li ssolvi kwistjonijiet urgenti kemm fil-qasam tax-xogħol u l-immigrazzjoni. Madankollu, jgħidu x’jgħidu, jibqa’ l-fatt li l-Gvernijiet għandhom l-ikbar deċiżjoni ta’ xi jsir fl-Ewropa. Ezempju Juncker ippropona li jkun hemm President wieħed tal-Unjoni Ewropea iżda diġà sab diversi Prim Ministri kontra, bħal Rutte tal-Olanda u Lars Løkke Rasmussen tad-Danimarka.
Mhux se jkun faċli li tipperswadi l-Gvernijiet li flok vot unanimu jibda jkun hemm vot kwalifikat bħal fil-qasam tad-difiża u materji kontroversjali oħra. Naħseb li Juncker huwa ambizzjuz fi kliemu u f’li qed jipproponi, iżda huma l-Gvernijiet flimkien mal-Parlament Ewropew li se jiddisponu. L-esperjenza turina li bejn il-kliem u l-fatti…
Id-diskors annwali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, li jimmarka l-ftuħ mill-ġdid tal-Parlament Ewropew wara l-waqfa għas-sajf, huwa importanti għaliex minnu joħroġ kemm id-direzzjoni li l-Unjoni Ewropea se timxi fiha iżda wkoll is-sinerġija li hemm bejn it-tliet istituzzjonijiet Ewropej, li huma l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew.