Arrivederci Simon Busuttil... l-aħħar kapitlu tiegħu ta’ Kap

L-ILLUM b'analiżi konklussiva tal-ħidma ta' Simon Busuttil fl-ogħla kariga tal-Partit Nazzjonalista 

Matul l-aħħar erba’ snin, din il-gazzetta kitbet numru mhux żgħir ta’ analiżi li trattaw il-persuna politika ta’ Simon Busuttil, Kap tal-Partit Nazzjonalista sas-Sibt u Kap tal-istess partit għal erba’ snin skorruti.

Din hija l-aħħar darba li l-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn il-figura ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista f’analiżi konklussiva tal-ħidma tiegħu fl-ogħla kariga tal-istess partit.

Liema kienu l-aqwa mumenti ta’ Busuttil f’dawn l-aħħar erba’ snin? X’kienu dawk id-deċiżjonijiet li saħħewh u liema kienu dawk id-deċiżjonijiet li dgħajfuh? Il-karatteristiċi tiegħu fit-tmun tal-PN li se jiddeterminaw fl-annali tal-istorja l-ġudizzju dwaru u l-intenzjonijiet li se jagħmluh Kap tal-PN li dwaru għad irid isiru diskussjonijiet u dibattiti twal.

Il-Korruzzjoni: L-akbar kruċjata ta’ Busuttil

Il-politiku jeħtieġ jagħraf x’inhuma l-għodda li bihom jista’ jaħdem u li permezz tagħhom jista’ jirbaħ elezzjoni. Il-korruzzjoni, bħala għodda politika biex tiġġieled lill-avversarju, ma ntagħżlitx minn Busuttil imma waqgħet fuq ħoġru grazzi għal żewġ kwistjonijiet partikolari: il-każ tal-esproprijazzjoni ta’ Triq Zekka mingħand Gaffarena u l-każ tal-kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri.

Fiż-żewġ każijiet, Simon Busuttil b’suċċess kbir, wassal biex tpinġiet stampa ta’ Gvern korrott (‘L-aktar Gvern korrott fl-istorja’) u biex tkun mobilizzata sezzjoni kbira tal-popolazzjoni kontra Gvern Laburista.

Minkejja r-riżultat elettorali, il-kampanja bla waqfien tal-PN fuq medda ta’ sentejn fuq dawn il-każi ħalliet il-frott tagħha, anke jekk mhux frott numeriku. L-ewwel, Busuttil irnexxielu jkisser l-immaġini politikament immakulata ta’ Joseph Muscat. Sa qabel ma feġġew dawn il-każi, ftit jekk xejn kien hemm skuntentizza bl-operat tal-Gvern u ftit jew xejn kien hemm dubji fuq il-persuna politika ta’ Muscat. Qabel Busuttil fetħilha fuq dawn il-każijiet, Muscat kien l-għażla awtomatika ta’ eluf kbar ta’ votanti. Wara li Busuttil u l-PN immobilizza b’suċċess lil eluf fuq din il-kwistjoni, Muscat tkissirlu l-qoxra u l-ġebel li kien qed jintefa’ fid-direzzjoni tiegħu issa beda jolqtu.

‘Kieku Busuttil daqq l-irtirata u ma beniex forza li tidentifika lilha nnifisha miegħu u mal-kawża tiegħu, il-PN kien jitlef b’marġini ikbar minn 36,000 u kien ikun f’periklu serju li jiżżarma għal kollox’

Din ma kinitx rebħa numerika, imma rebħa morali li r-riżultat tagħha qiegħed idur xi mkien taħt il-kurrenti tas-suċċess elettorali qawwi li kiseb il-Partit Laburista f’Ġunju.

It-tieni, Simon Busuttil uża l-kwistjonijiet ta’ Gaffarena, imma b’mod speċjali tal-Panama biex jerġa’ jirrijinforza għeruq mill-aktar demotivati wara t-telfa li sofra l-PN fl-2013. Huwa ta kawża, raġuni għall-eżistenza għal dawk l-eluf ta’ Nazzjonalisti li kemm fl-2009, notevolment fl-2013 u anke fl-2014 sofrew telfiet b’distakki ta’ madwar 36,000 vot.

L-għajta kienet li l-PN għandu snin twal ħafna fl-oppożizzjoni u li ma kellu ebda ċans jirbaħ elezzjoni fl-2018 (meta kienet skedata l-elezzjoni). Busuttil għaraf dan is-sentiment, u b’suċċess dawru f’wieħed ta’ tama. Lejn nofs il-leġiżlatura, ħafna bdew jemmnu li l-PN jista’ jirbaħ.

Ma rebaħx, vera. Imma jekk se tipprova twassal vapur fil-port ma jistax ikollok ekwipaġġ li f’nofs oċean diġà qata’ qalbu. Kieku Busuttil daqq l-irtirata u ma beniex forza li tidentifika lilha nnifisha miegħu u mal-kawża tiegħu, il-PN kien jitlef b’marġini ikbar minn 36,000 u kien ikun f’periklu serju li jiżżarma għal kollox.

Egrant: Riskju li sploda f’wiċċu

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kellha żewġ nasbiet li fixklu mhux għenu lil Busuttil u l-kampanja tiegħu. L-ewwel, u probabbilment l-aktar li għamlet ħsara kien il-mod kif tratta l-allegazzjonijiet li Michelle Muscat kienet il-proprjetarja tal-kumpanija Egrant u li minn din il-kumpanija għaddew $1 miljun mill-Ażerbajġan.

Busuttil għażel li jibni l-kruċjata biex jagħti daqqa tal-mewt lil Muscat permezz ta’ dan il-każ. Każ jaħraq ippubblikat minn blogger ftit siegħat biss qabel mal-PN ħabbar protesta fil-Belt Valletta. Il-każ Egrant jibqa’ l-aktar wieħed sensittiv u l-aktar li qajjem emozzjoni. Għal Busuttil, dan kellu jpoġġih ħames tarġiet eqreb lejn il-bieb ta’ Kastilja.

‘Kien jagħmel ħafna iktar sens kieku fetaħ il-kanuni kollha tiegħu fuq kull każ li f’idejh kellu l-provi u dwar Egrant kien jixgħel il-bozoz tat-twissijiet biss’

Minflok, Joseph Muscat uża dan il-każ biex jibni b’suċċess kbir l-immaġini ta’ politiku li qed ikun attakkat u allura huwa l-vittma. Muscat iġġieled b’qawwa l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u tal-familja u għal darba, darbtejn, tlieta u ad nauseum, iddefenda l-innoċenza tiegħu u fetaħ sfida kontinwa fuq Busuttil.

Mingħajr provi, lil hinn mill-allegazzjonijiet, id-drama politika kellha żewġ effetti. L-ewwel, għaqqdet qaqoċċa eluf ta’ Laburisti wara Muscat li kienu determinati li mhux se jivvutaw. U t-tieni, ħalliet lil Simon Busuttil xi ftit jew wisq mitluf, bejn irid u bejn ma jridx li jagħmel tiegħu l-allegazzjonijiet, meta kien tard wisq.

Żball strateġiku fl-istorja kollha ta’ Egrant kien id-diskors ta’ Busuttil fil-Belt Valletta ftit wara li ħarġu l-allegazzjonijiet. F’dak id-diskors, Busuttil kien prattikkament (u bil-pulit) qed jitlob li jsir kolp ta’ stat. Kien diskors infjammatorju u meqjus perikoluż li mhux talli m’għamel l-ebda ġid fil-mument li ntqal, talli rabat lil Busuttil direttament u intrinsikament mal-allegazzjonijiet ta’ Egrant.

Dan kien żball strateġiku ikrah, speċjalment fid-dawl tal-fatt li hu kellu provi f’idejh li jikkonċernaw lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. Minkejja li l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus setgħu kienu ħafna inqas spettakolari mill-allegazzjoni ta’ Egrant, Busuttil kellu ħafna iktar f’idejh bihom. Kien jagħmel ħafna iktar sens kieku fetaħ il-kanuni kollha tiegħu fuq kull każ li f’idejh kellu l-provi u dwar Egrant kien jixgħel il-bozoz tat-twissijiet biss.

Kienet tibqa’ storja ppubblikata minn Daphne Caruana Galizia u Simon kien ikollu biżżejjed armi biex jiġġieled il-battalja tiegħu u ma jgħeriqx, jekk il-każ Egrant ‘jegħreq’.

Simon: Diskors soċjalist ta’ kap Nazzjonalista

Wieħed mis-suċċessi notevoli ta’ Simon Busuttil kien il-fatt li fid-diskors politiku tiegħu, ippożizzjona lill-PN viċin ħafna tal-prinċipji tas-solidarjetà u tal-wens. Huwa poġġa lill-PN qrib ħafna tat-twemmin politiku sinonimu mal-ħaddiema, mad-drittijiet tal-ħaddiem, tkellem dwar il-proġetti soċjali, dwar il-bżonn ta’ ħlas indaqs għall-istess xogħol, uża b‘mod kontinwu l-esperjenza personali fid-diskorsi tiegħu dwar nies li spiċċaw bla mediċini jew li m’għandhomx biżejjed biex iħallsu l-kirjiet. Busuttil bena ħafna mit-twemmin ekonomiku tal-PN madwar il-bżonn tal-vulnerabbli u dawk li jinsabu fis-saffi aktar baxxi tas-soċjetà.

M’hemmx dubju li Busuttil dan għamlu kemm mill-konvenjenza ta’ partit li kien deher li nqata’ waħda sew mill-poplu u għoxa fl-esklussività, kif ukoll mill-konvinzjoni ta’ persuna li jemmen fil-wens lil min jinsab fil-bżonn.

Koalizzjoni mal-PD: Qassata

M’hemm assolutament xejn ħażin f’koalizzjoni. Imma l-koalizzjoni bejn Simon Busuttil u Marlene Farrugia kienet qassata strateġika. Il-fatt li pass politikament storiku bħal dan ġie mħabbar fuq Facebook, kien diġà l-ewwel sinjal ħażin. It-tieni, u agħar minn hekk, li jirriżulta minn rapporti fuq diversi mezzi tax-xandir li Simon Busuttil ma ddiskuta ma’ ħadd it-termini ta’ din l-istess koalizzjoni.

Dan fetaħ lill-PN għall-kritika u ħolqot instabbiltà interna li l-PN seta’ għadda mingħajrha. Tat impressjoni li fil-partit m’hemmx konsultazzjoni, u agħar minn hekk tat l-impressjoni li l-koalizzjoni kollha kemm hu kienet mibnija fuq ir-ramel.

Kontinwament, il-PL kien qed jagħfas fuq differenzi fil-ħsieb ta’ kwistjonijiet importanti, speċjalment dawk ambjentali u dawk realatati mal-kaċċa. Bena kampanja fuq ‘l-aktar koppja instabbli fil-politika’. Dan kompla jibni immaġini li din il-koalizzjoni kienet naqra ta’ ‘fejn ħabat laqat’.

Il-kunċett tal-koalizzjoni ġeneralment jaħdem meta żewġ potenzi minoritarji stabbiliti jingħaqdu flimkien biex jikkreaw potenza maġġoritarja. Fil-fatt, il-koalizzjoni PN-PD, għal ħafna drabi aktar dehret bħala persuna waħda flimkien mas-sieħeb tagħha li ngħaqdu ma’ partit, bl-istess partit jagħti palata qawwija ħafna fil-forma ta’ pubbliċità u podju lil din il-persuna. Xejn ħażin f’hekk. Imma dik mhix koalizzjoni.

Busuttil seta’ żamm lil Marlene u Godfrey viċin biżzejjed tal-PN, imma mhux fil-PN u kien jirkeb fuq il-kritika, ħafna drabi ġustifikata li kienet qed tagħmel Marlene Farrugia, imma kien joħroġ bil-karru politiku tiegħu biss.

Din is-sitwazzjoni eżatt tgħodd għall-kandidatura ta’ Salvu Mallia.

Simon kiber fil-kariga

Busuttil beda l-vjaġġ ta’ erba’ snin tiegħu meqjus bħala kap kwiet li ma kienx qed jagħmel ħoss. Tilef l-ewwel appuntament elettorali tiegħu bil-qawwi u allura ftit bdew jeċitaw lilhom infushom bih bħala Kap.

Minkejja li ma rebaħ ebda elezzjoni minn dawk li fihom kien Kap, Busuttil xorta rnexxielu jikber fil-kariga u minn Kap li taċċettah b’tqanżiħa, erba’ snin wara sar Kap li taċċettah b’entużjażmu. Dan kollu seħħ grazzi għal diversi fatturi.

Is-saħħa tad-diskorsi ta’ Busuttil tjiebu sew u għalkemm Muscat huwa avversarju diffiċli, kienu diversi l-mumenti u d-dibattiti meta Busuttil kien irnexxielu jinnewtralizza sew is-saħħa ta’ Muscat.

Din ma kinitx rebħa numerika, imma xorta tat lil Muscat xi ftit ta’ battikata. Kuntrarjament għal Muscat u Delia (jekk ilbieraħ kien elett hu), Busuttil ma tantx kellu xi entużjażmu qed jiġri warajh, fil-bidu.

Dan dawru f’kurrent favurih.

Kap ‘tajjeb’ fi żmien ħażin ħafna

Naturalment kemm kien ‘tajjeb’ Busuttil hija xi ħaġa suġġettiva. Li żġur mhux suġġettiv huwa ż-żmien. Busuttil ħa t-tmexxija tal-PN fi żmien meta l-partit kien qiegħed f’sitwazzjoni ħażina ħafna u se jagħti lura l-PN f’sitwazzjoni xejn aħjar, wara telfa moralment ikbar minn dik tal-2013.

Busuttil kien Kap fl-agħar perjodu għall-PN, kważi kważi mill-eżistenza tiegħu. Il-ħeġġa għall-PN kienet minima fost l-elettorat u l-aptit għal Gvern Nazzjonalista kien minimu wkoll. Ħafna Nazzjonalisti kienu qalbhom maqtugħa wara t-tkaxkira li qala’ l-partit, darbtejn, u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN kienet mill-aktar imwiegħra.

Anke jekk laqat ħafna punti li miegħu eluf ta’ votanti kienu qed jaqblu, Busuttil dejjem baqa’ jopera wara ħajt tal-ħġieġ immaġinarju li donnu qatt ma seta’ jkisser. Minkejja li setturi mill-popolazzjoni fehmu sew il-messaġġ tiegħu u qablu miegħu, kienu ħafna dawk li baqgħu ma jistgħux jirrelataw miegħu fuq livell aktar personali, minkejja l-attentati kontinwi tiegħu biex ikisser l-istess perċezzjoni.

‘Busuttil kien Kap fl-agħar perjodu għall-PN, kważi kważi mill-eżistenza tiegħu. Il-ħeġġa għall-PN kienet minima fost l-elettorat u l-aptit għal Gvern Nazzjonalista kien minimu wkoll’

Kien hemm xi ħaġa dwar Busuttil li, prova kemm prova, irrelegatu bħala politiku li ‘jista jkun għandu raġun, imma...’

Il-ġudizzju dwar Busuttil għad irid jinkiteb. Imwaħħla ma’ ismu, żgur se tibqa’ t-tikketta tal-ewwel Kap Nazzjonalista u Kap politiku mill-1964 li qatt ma sar Prim Ministru. Mhux eżattament kumplimentari ħafna.

Imma Busuttil se jibqa’ relevanti, kemm għall-passaġġ tal-istorja kif ukoll għall-formazzjoni tal-forma mentis Nazzjonalista, u l-binja ta’ bażi li reġgħet tat karatteristika lil Busuttil.

Naturalment, l-istorja tinkiteb mir-rebbieħ. U min dalgħodu se jkun qed jidħol f’post Busuttil se jkun determinanti għal kif se jinkiteb il-ġudizzju finali dwar Simon Busuttil.

More in Politika