L-appelli tal-Panama Papers se jinstemgħu fil-miftuħ

Adrian Delia flimkien ma' Simon Busuttil fil-Qorti 

Il-Qorti ddeċidiet li l-appelli fuq id-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia, li tinfetaħ investigazzjoni dwar l-allegat ħasil ta’ flus mill-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, jinstema’ fil-miftuħ. Il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista kien preżenti fl-awla tal-Qorti ħdejn l-eksKap Simon Busuttil.

Il-Maġistrat Farrugia kien iddeċieda li ‘prima facie’ kien hemm biżżejjed evidenza biex issir din l-investigazzjoni fuq il-ftuħ ta’ kumpaniji fil-Panama u ‘trusts’ fi New Zealand. Il-Qorti semgħet ukoll is-sottomissjonijiet tal-avukati nvolti fil-każ li jinkludi wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat, Brian Tonna u Karl Cini minn NexiaBT u Adrian Hillman.

Il-Qorti semgħet ukoll l-argument ta’ Simon Busuttil li l-Imħallef Antonio Mizzi m’għandux jisma’ l-appelli għaliex martu hija l-MEP Laburista Marlene Mizzi.

L-avukat u deputat Jason Azzopardi li deher għal Busuttil qal li l-każijiet li jikkonċernaw il-kaċċa qatt ma jinstemgħu quddiem l-Imħallef Edwina Grima għax hija miżżewġa raġel li huwa nvolut fil-Birdlife.

Azzopardi qal ukoll li l-Ewropa wkoll tagħmel referenza fuq il-ħtieġa li ma jkunx hemm kunflitti ta’ interessi fl-appuntar tal-imħallfin u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ involviment personali, jkun hemm ksir tal-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Il-każ se jkompli jinstema’ fit-18 ta’ Settembru li ġej.

More in Politika