‘Dak li qed jiġri fil-Marsa huwa biss il-quċċata tal-problema’

Faqar, mard mentali u nies mingħajr prospetti u skop f’ħajjithom...Ahmed Bugri jitkellem mal-ILLUM dwar l-immigranti fil-Marsa

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Ħadd li għadda saret protesta il-Marsa. Protesta kontra dak li r-residenti qed jgħidu li huwa l-istat ta’ abbandun u telqa li fiha tinsab din il-lokalità. Il-ġimgħa l-oħra, din il-gazzetta rrappurtat diversi  lmenti ta’ residenti Marsin. Fost l-aktar ilmenti komuni, kien hemm l-abbuż tal-alkoħol fit-toroq, drogi, persuni li jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fit-triq, sokor u saħansitra atti oxxeni fil-pubbliku.

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Ahmed Bugri, persuna mill-Ghana imma li llum għandha ċittadinanza Maltija u li għal xi żmien kien qed jieħu ħsieb iċ-Ċentru miftuħ tal-Marsa. Jagħtihom tort lill-Marsin ikunu rrabjati? Jagħtihom tort li huma mdejqin ħafna bis-sitwazzjoni? Jew jaħseb li dan huwa biss frott ta’  sentiment razzista?

“Le ma nagħtihomx tort u iva għandhom raġun,” jibda jispjega Bugri li jkun pront ifakkar iżda li s-sitwazzjoni fil-Marsa mhix xi ħaġa li bdiet illum. “Is-sitwazzjoni ma bdietx illum jew ilbieraħ, vera li hemm min jitkellem b’sentiment kontra l-persuna għax immigrant. Imma naf, mill-esperjenza ta’ 10 snin ngħix u naħdem il-Marsa, li dawn il-problemi huma veri. Irridu nistaqsu imma x’wassal għal dan l-atteġġjament. Is-sitwazzjoni fil-fatt,” ikompli jgħid Bugri, “turi t-telqa u l-abbandun f’dak li jirrelata ma’ politika ħolistika dwar l-immgrazzjoni.”

L-integrazzjoni seħħet...imma b’mod ħażin

“Inti trid tara li din il-problema taffaċċjaha mhux biss bir-regoli imma billi tgħin lill-persuna ssir aktar parti mill-komunità, billi tintegra.”

Infakkru li sar ħafna diskors dwar integrazzjoni. Saru ħafna wegħdi minn ħafna individwi u anke għaqdiet. Imma l-integrazzjoni seħħet jew qed iseħħ f’pajjiżna? Jew parlajna biss?

“Jien naraha mod ieħor. Jien naraha li l-integrazzjoni seħħet, imma b’mod ħażin. U l-politika tal-Gvern mill-2004 dejjem ħarset mill-angolu tal-problema bħala waħda li se titlaq malajr. Fid-detenzjoni,” jibda jispjega Bugri, “ma kien hemm xejn li jappoġġja inizjattivi għall-integrazzjoni. L-esperjenza tad-detenzjoni ikkontribwiet għall-problema li għandna llum, għax wara sitt jew tmien xhur, il-persuna toħroġ mid-detenzjoni u tibqa’ maqtugħa mir-realtà tal-komunità.”

“Illum qed naħsdu l-frott ta’ sistema ta’ detenzjoni falluta. Għalhekk ma nistgħux inwaħħlu fin-nies, meta qed jiġri dak li qed naraw fil-Marsa.”

Mhux billi ngħidu lil xi ħadd ‘mur integra’

Bugri jispjega kif meta l-Foundation for Shelter and Support to Migrants, li jmexxi hu stess, ħadet ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-istess ċentru miftuħ kienet ħadet diversi inizjattivi biex taċċerta li jkun hemm preparazzjoni serja biex il-persuna tintegra meta toħroġ miċ-ċentru. “Illimitajna ż-żmien li fih persuna tibqa’ fiċ-ċentru, provdejna korsijiet tat-tagħlim fil-lingwi, provdejna appoġġ biex il-persuni jsibu impjieg, appoġġjajna każijiet ta’ mard mentali, tajna għajnuna psiko-soċjali u ħafna iktar.”

'Illum qed naħsdu l-frott tas-sistema ta' detenzjoni falluta. Għalhekk ma nistgħux inwaħħlu fin-nies, meta qed jiġri dak li qed naraw fil-Marsa' Ahmed Bugri

Bugri jfakkar li l-bniedem mhux billi tgħidlu, ‘mur integra’ u jitkellem dwar il-passi li kienet għamlet il-Fondazzjoni sal-2015, qabel ma l-Gvern preżenti waqqaf l-operat tagħha fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa. “Ikollok persuna mis-Somalja li qatt ma ra struttura, li ma jafx lingwa, li qatt ma mar skola, ma jistax jaqbad u jsib xogħol. U ma ninsewx ukoll it-trawma li jgħaddu minnha.”

U hawnhekk, Bugri jfakkar fil-vjaġġ bil-baħar li jagħmlu ħafna mill-immigranti ġejjin minn pajjiżi Afrikani, “ma ninsewx it-trawma li tgħaddi minnha persuna li tkun vjaġġat daqstant bil-baħar, tara lil sħabha jmutu u imbagħad tqatta’ sena u nofs f’detenzjoni. Dan kollu jħalli effett psikoloġiku fuq persuna, u persuna bi trawma u problemi mentali tirreaġixxi bil-vjolenza, u bla għajnuna l-persuna ma tistax tintegra.”

Il-Marsin twikkew bi problema li ma kinitx tagħhom

Bugri jerġa’ jmur lura għall-ilmenti tal-Marsin u jgħid li ż-żieda fl-abbuż fis-sustanzi huma parti mit-trawma. “Jekk persuna qiegħda hemm, bla prospetti, fl-istess post bilqiegħda, x’jagħmel? L-ewwel jibda b’sigarett, imbagħad b’xi joint, imbagħad inbid, imbagħad vodka, imbagħad id-drogi. Is-sistema tagħna nsiet nies li huma parti mis-sistema.”

Jerġa’ jdur fuq in-nies tal-Marsa u jerġa’ jiġġustifika r-rabja tagħhom. “In-nies tal-Marsa għandhom raġun sa ċertu punt. Twikkew bi problema li ma kinitx tagħhom meta (l-awtoritajiet) tefgħu l-immigranti l-Marsa u qalulhom biex jippruvaw jgħixu hemm. U hija din is-sitwazzjoni li qajmet tant biża’ u rabja minn naħa tal-Marsin u dan kien ikun l-istess kieku ġara f’Birżebbuġa, kieku ġara fis-Swieqi jew San Pawl il-Baħar.”

Imma tort ta’ min hi din is-sitwazzjoni? “Fl-aħħar mill-aħħar, ‘the buck stops with the government’. Ikun min ikun fil-Gvern.” Huwa jgħid li l-problema imma mhix waħda politika imma l-mod kif ġiet trattata matul is-snin. “Staqsejna kif nistgħu noffru qafas ta’ appoġġ u għajnuna? Tajna ċittadinanza lil dawk li ilhom jgħixu Malta aktar minn 10 snin? Għallimniehom il-lingwa Maltija? Le,” jasserixxi Bugri li jfakkar kif minflok dan, kienet ikkultivata l-idea li l-immigranti qegħdin hawn Malta għal żmien temporanju, li qegħdin hawn sakemm is-sitwazzjoni f’pajjiżhom tkun aħjar. “Allura ma tinħoloqx rabta. U jekk ma tinħoloqx rabta ma’ Malta, kif tista’ l-istess persuna jimpurtaha minn Malta?”

“Dak li qed naraw fil-Marsa huwa biss il-quċċata tal-problema u rridu nagħmlu xi ħaġa dwarha, issa.”

Iċ-ċentru tal-Marsa rilokat: ‘Soluzzjoni ta’ malajr’

Indur fuq il-proposta tal-Partit Laburista li ċ-ċentru miftuħ jkun rilokat f’post ieħor. Wegħda li sa din il-ġimgħa stess qajmet għagħa kbir hekk kif il-Gvern ippropona li ċ-ċentru jimxi lejn Birżebbuġa. X’inhuma l-ħsibijiet ta’ Bugri dwar din il-miżura? Din ċaqliqa ta’ konvinzjoni jew sempliċiment spustjar ta’ ‘problema’ minn post għall-ieħor?

'In-nies tal-Marsa għandhom raġun sa ċertu punt. Twikkew bi problema li ma kinitx tagħhom meta (l-awtoritajiet) tefgħu l-immigranti l-Marsa" Ahmed Bugri

“Ma jistax ikollok soluzzjonijiet ta’ malajr għal din il-kwistjoni, u din hija soluzzjoni ta’ malajr,” jibda jirreaġixxi Bugri li jkompli jistaqsi kif se jiġu distribwiti l-immigranti. “Min se jintbagħat is-Swieqi? Min se jintbagħat Birżebbuġa? Min se jmur il-Mosta? Fuq liema kriterji se mmexxu n-nies? U l-Gvern x’se jagħmel? Se jagħti lil dawn l-immigranti djar jew appartamenti? Tista’ timmaġina r-reazzjoni ta’ diversi Maltin li m’għandhomx id-dar tagħhom kif se jirreaġixxu kieku l-Gvern jagħti d-djar lill-barranin?”

Bugri jerġa’ jfakkar li s-soluzzjoni kienet hemm u kienet qed taħdem. “Kellna ċentru li kien qed jaħdem tajjeb u li m’għadux jaħdem tajjeb illum għax istituzzjonijiet tal-Gvern, ma jistgħux joperaw tajjeb fejn il-bżonn tal-fiduċja hija tant neċessarja. Aħna bħala NGO għarafnieh dan, jien ġieli kont nieħu nies lejn Mount Carmel bil-karozza tiegħi. Kif inhi llum, il-union tista’ tagħti direttivi biex il-ħaddiem ma jidħolx ħdejn l-immigranti jekk ikun vjolenti.”

‘Qatt ma saret konsultazzjoni magħna’

Bugri jkompli jispjega kif bħala għaqda kienu kisbu aċċess għal €500,000 f’fondi Ewropej. “Kellna klassijiet, neħħejna l-asbestos, kellna klinika, kellna workshop, konna norganizzaw avvenimenti kulturali mimlijin ikel u mużika. Niftakar lill-President tal-Ġermanja u lil Cecilia Malmstrom jiġu fiċ-ċentru miftuħ u jfaħħru l-operat taċ-ċentru.”

Bugri jappella biex il-Gvern ipoġġi mal-għaqdiet mhux governattivi u b’diskussjoni tinstab it-triq tan-nofs. Mistoqsi għalfejn jaħseb li l-Gvern biddel din is-sistema, ladarba kienet qed taħdem? “Forsi kien kien hemm min qal li l-Gvern li l-aħjar sistema hija waħda ċentralizzata, imma ma nafx. Ma kienx hemm konsultazzjoni magħna. Aħna konna 25 ħaddiem u ħafna minnhom tilfu xogħolhom.”

Bugri sostna li hu kellem lill-Prim Ministru u anke lill-Ministru responsabbli, imma qatt ma kellhom risposta. “Aħna l-uniku inkwiet tagħna kien id-deterjorament tas-sitwazzjoni fiċ-ċentru miftuħ u hekk ġara, iż-żmien tana raġun.”

Ċirku vizzjuż: mill-Marsa għall-ħabs u lura...

Huwa hawnhekk li Bugri jispjega kif ħafna drabi l-immigranti jidħlu f’ċirku vizzjuż. “Minn Mount Carmel għall-ħabs, għall-komunità, imbagħad lura għall-ħabs. Għal xi wħud, l-aħjar post huwa l-ħabs, għax anke jekk jitilfu l-libertà, tal-inqas ikollhom il-bażiku; ikel matul il-jum.”

Imma kemm hi komuni din li l-immigranti jfittxu li jmorru l-ħabs? “Jiena kienu jiġu nies fuqi,” jispjega Ahmed Bugri, “li jgħiduli narak tliet xhur oħra, għax ikunu qed jippjanaw li jidħlu l-ħabs. Jekk m’għandekx flus, jekk m’għandekx fejn tmur, jekk m’għandekx x’tagħmel, fejn se tmur jekk mhux il-ħabs?” Huwa jkompli jgħid li dan huwa ċirku vizzjuż, “mur il-Marsa, tkellem man-nies. Nies li jpoġġulek f’bar ma jagħmlu xejn, nies li joqogħdu jixorbu u jibilgħu d-drogi l-ġurnata kollha. Dawn ħafna minnhom ikunu każi ta’ persuni li għaddejjin minn sfidi psikoloġiċi. U dak huwa li nesperjenzaw aħna.”

Lura għall-punt li bih bdejna: il-Marsa. Bugri jfakkarna f’kemm hemm immigranti li litteralment jgħixu u jorqdu taħt il-pont. “U jekk m’għandhomx fejn imorru u m’għandhomx fejn jgħixu, fejn se jagħmel il-bżonnijiet tiegħu? Jekk xi ħadd li m’għandux saqaf fuq rasu jkollu l-ħtieġa li jaqdi l-bżonnijiet tiegħu u kull fejn imur jgħidulu biex jitlaq ’il barra, x’jagħmel? Mhux ikollu jagħmel ma’ siġra? Ma jagħmluhiex għax jobgħodu lill-Marsin,” jaċċerta Bugri lill-ILLUM.

Huwa jerġa’ jirrepeti li s-soluzzjoni ma tistax tkun waħda ta’ malajr, bħal din li titrasferixxi l-problema minn post għall-ieħor. “Ejja ngħidu nibagħtuhom Ħal Far minflok il-Marsa. X’se nkunu solvejna? Terġa’ u tgħid, Ħal Far huwa bil-wisq agħar għax m’hemm xejn madwar iċ-ċentru. Mhux qed nipprova nippunta s-swaba, imma hemm bżonn nanalizzaw is-sitwazzjoni.”

‘Kieku kienu Sqallin jew Russi kienu jipprotestaw?’

Intant wasalna fit-tmiem tal-intervista li saret fl-uffiċċju tiegħu f’San Ġwann u nistaqsih biex jgħaddi messaġġ lil dawk li lpprotestaw minħabba s-sitwazzjoni fil-Marsa. “Ngħixu f’demokrazija u kull persuna li tħossha aggravata, għandha dritt tipprotesta. Imma tajjeb niftakru wkoll li hemm benefiċċji. Hemm il-benefiċċju li l-Marsa llum saret aktar vibranti, in-nies qed jikru, qed jixtru. Hemm problemi mela, imma hemm benfiċċji wkoll. Hemm problemi u dwarhom jien nissimpatizza mal-Marsin.”

Huwa jgħid li hu tajjeb li wieħed jistaqsi wkoll jekk il-Marsin ħarġux biżżejjed l-id tal-ħbiberija. “Kieku kienu Sqallin jew Russi jew minn irħula oħrajn kienet issir protesta? Jew min se jipprotesta se jagħmel dan għax ma jridux nies ta’ karnaġġjon iswed?”

“Għixt u ħdimt il-Marsa u konna qed nagħmlu programmi u inċentivi, biex il-komunità tgawdi iktar,” itemm jgħid Bugri.

More in Politika