Fi New York, il-Prim Ministru Joseph Muscat attenda laqgħa mmexxija mill-President Amerikan Donald Trump li matulha ġew diskussa numru ta’ bidliet immirati biex il-Ġnus Maqgħuda tkun f’pożizzjoni aħjar biex twettaq l-għanijiet tagħha favur futur aħjar għal kulħadd.
Dan kien ukoll forum importanti biex l-pajjiżi membri jimxu ’l quddiem fuq l-aġenda ta’ riforma li ħabbar is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda fit-30 ta’ Ġunju li għadda.
Id-dikjarazzjoni tinkludi 10 punti ta’ prinċipju li għandhom isaħħu t-tmexxija tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, fosthom billi jingħataw aktar poteri eżekuttivi lis-Segretarju Ġenerali u billi titneħħa burokrazija żejda fis-sistema.
Għalhekk id-dikjarazzjoni tħeġġeġ għal riformi organizattivi, maniġerjali u baġitarji li jassiguraw iktar trasparenza u użu aħjar tar-riżorsi kollha, kif ukoll riformi fil-missjoni ta’ żamma ta’ paċi biex in-Nazzjonijiet Maqgħuda taħdem aħjar fuq għajnuna umanitarja, żvilupp u inizjattivi oħra ta’ stabbilità.
Fuq kollox, id-dikjarazzjoni tirrikonoxxi li kull pajjiż huwa primarjament responsabbli mit-tisħiħ ekonomiku u soċjali tiegħu u li r-rwol tan-Nazzjonijiet Maqgħuda huwa li tipprovdi pjattaforma ta’ sħubija biex jitwettaq żvilupp sostenibbli fuq livell globali.