Co-option | 'Nimxi skont il-bżonnijiet tal-partit'

Id-Deputat Frederick Azzopardi jindika illi hu lest li jċedi postu għal Delia jekk ikun hemm bżonn...

Frederick Azzopardi (xellug) dieħel fil-Parlament ma' Jason azzopardi (lemin) | Ritratt James Bianchi
Frederick Azzopardi (xellug) dieħel fil-Parlament ma' Jason azzopardi (lemin) | Ritratt James Bianchi

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi indika li hu lest li jċedi postu biex minfloku jidħol Adrian Delia, jekk il-partit jitolbu jagħmel dan. Fl-ewwel kummenti tiegħu minn meta l-gazzetta ILLUM żvelat illi huwa wieħed mill-favoriti ta' Delia biex iċedi postu u għalhekk il-Kap tal-PN jidħol fil-Parlament, Azzopardi insista li hu dejjem kien leali lejn il-PN u l-kap tiegħu. 

"Jien dejjem kont leali lejn il-partit u lejn il-kap tal-partit u għalhekk nimxi skont il-bżonnijiet tal-partit," wieġeb Azzopardi għall-mistoqsijiet ta' dan is-sit. "Jien mhux se nfittex l-interessi personali u se nibqa leali lejn il-partit," reġa saħaq Azzopardi. 

Frederick Azzopardi kien elett mit-13-il distrett wara l-aġġustament kostituzzjonali li ta' lill-PN żewġ siġġijiet żejda. Dawk kollha li tkellmu ma' dan is-sit s'issa, inkluż avukati u uffiċjal għoli fil-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li fil-każ ta' Azzopardi xorta jkun hemm bżonn ta' elezzjoni każwali. Dan ifisser li anke jekk Azzopardi jaċċetta talba li jirreżenja biex ikun co-opted Delia, l-PN xorta jrid jikkonvinċi kemm lid-Deputati Nazzjonalisti kif ukoll lid-Deputat tal-Partit Demokratiku fuq dan id-distrett, biex ma jitfgħux isimhom għall-elezzjoni każwali. 

Il-Kap tal-PD Marlene Farrugia diġa sostniet li hi mhi se ċċedi xejn lil Delia, wara li għal bosta drabi kkritikatu fuq allegazzjonijiet li għandu kont f'Jersey li minnu allegatament għaddew flus mill-prostituzzjoni. 

Intant minkejja li dan is-sit kien infurmat li t-tim ta' Delia iltaqa' ma' Azzopardi, l-istess Deputat Għawdxi ċaħad li qatt saru laqgħat miegġu dwar dan is-suġġett. 

Intant fuq is-sit maltatoday.com.mt kien żvekat kif tentattivi biex id-Deputat Ivan Bartolo jċedi postu, permezz ta' negozjati, fallew.

 

More in Politika