Raġel minn Ħaż Żabbar inżamm taħt arrest fuq akkużi illi stupra tifla ta' 14-il sena li tiġi bint is-sieħba tiegħu stess. L-akkuża tgħid li hu dam jabbuża minn din it-tifla għal 18-il xahar.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja sema' lill-iSpettur tal-Pulizija, John Spiteri jispjega illi r-raġel kien arrestat ilbieraħ filgħaxija wara rapport li sar mill-Appoġġ. Intqal lill-Pulizija illi t-tifla ta' 14-il sena, li kienet tgħix m'ommha u mal-akkużat, kienet stuprata f'min tal-inqas tliet okkażjonijiet mir-raġel ta' 57 sena, bejn Ottubru 2015 u Awwissu li għadda. Jirriżulta li l-atti saru kontra x-xewqat tat-tifla, li kienet inkapaċi li tirreżistih.
Il-Qorti ħarġet devjiet fuq isem it-tifla kif ukoll fuq isem l-akkużat. L-akkużat stqarr li mhux ħati, permezz tal-Avukat Difensur Franco Debono, filwaqt li talab għal ħelsien mill-arrest hekk kif se jkun qed jgħix l-Isla.
L-iSpettur Spiteri iżda oppona din it-talba u fakkar kif xejn ma jista jneħħi jew inaqqas min-natura serja tal-akkużi fil-konfront tal-akkużat. 'Għandna vittma ta' 14-il sena li kienet tgħix mal-akkużat u li kienet tikkunsidrah bħala missier, fin-nuqqas ta' missier bijoloġiku. Hija tista tkun faċilment influwenzata, u jekk tkun man-nanniet se jkun hemm kull possibilità u kull raġuni biex l-akkużat jersaq lejn il-vittma u jinfluwenza l-evidenza."
Wara li rat l-evidenza u eżaminat il-Qorti ddeċidiet li kien għadu prematur biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest.