Analiżi | Il-Prostituzzjoni: L-għażliet li għandu quddiemu l-pajjiż
Joseph Muscat irid riforma fuq il-prostituzzjoni... imma x’inhuma l-għażliet li għandu quddiemu l-pajjiż? Se niddikriminalizzaw? Jew se nippenalizzaw? U lil min se nippenalizzaw? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn rapporti, opinjionijiet u numri dwar is-suġġett...

minn Albert Gauci Cunningham

Il-prostituzzjoni reġgħet qiegħda fuq l-aġenda tal-pajjiż.
Qed ngħidu ‘reġgħet’ għax bħala suġġett il-prostituzzjoni ilha tkun diskussa.
Imma forsi qatt ma kien il-Gvern, primarjament, il-Prim Ministru nnifsu li kien il-katalist ta’ diskussjoni dwar din it-tema mill-aktar sensittiva u li tmiss mhux biss mal-fatturi fiżiċi u monetarji imma wkoll ma’ realtajiet psikoloġiċi, kriminali, politiċi u morali.
Ladarba l-Gvern qed jikkunsidra li jiċċaqlaq fuq dan is-suġġett tabù li ħadd ma ried jew ma xtaq imiss fil-klassi politika, tajjeb li nħarsu lejn l-għażliet li għandu quddiemu l-leġiżlatur f’pajjiżna.
Skont litteratura fuq is-suġġett u r-rapport tal-Membru Parlamentari Ewropew Mary Honeyball, flimkien mal-esperjenza f’pajjiżna l-għażliet huma tlieta.
L-approċċ abolizzjonarju (bħal f’pajjiżna s’issa), dak regolatorju, imbagħad hemm il-mudell adottat fl-Iżvezja, il-Fillandja u n-Norveġja.
L-aħħar mudell huwa dak propost minn Honeyball, fir-rapport li ppreżentat lill-Parlament Ewropew.
Bejn abolizzjoni u regolazzjoni
Il-leġiżlazzjoni Ewropea tvarja. L-ewwel mudell jara l-prostituzzjoni bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u mod kif tkun perpetwata l-inugwaljanza bejn is-sessi.
Dan il-mudell huwa meqjus bħala wieħed abolizzjonarju u li allura jinkriminalizza kull xorta ta’ attività relatata mal-prostituzzjoni. Dan anke jekk, kif inhi s-sitwazzjoni f’pajjiżna, il-prostituzzjoni mhix illegali.
Fis-sens, li mhux illegali li persuna titlob jew taċċetta flus għal servizz sesswali. F’Malta huwa l-itlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni li huwa illegali.
It-tieni mudell iħares lejn il-prostituzzjoni bħala impjieg jew xogħol ieħor li persuna jkollha u allura l-aħjar mod illi bih tipproteġi huwa billi titfa’ l-prostituzzjoni fil-livell ta’ professjoni, bi ħlas u kundizzjonijiet stabbiliti u legali.
Dan huwa l-mudell regolatorju li, saħansitra, jagħti id-dritt lin-nisa illi jagħżlu ‘managers’, jew aħjar dawk li nafu bħala ‘pimp’.
Dan it-tieni mudell huwa prattikat, fost oħrajn, fl-Olanda, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Ġermanja. Hawnhekk huwa legali li persuna tagħmel qligħ mill-attività tal-prostituzzjoni, riklamar għas-servizzi, monopolju ta’ post minn fejn topera l-prostituta u protezzjoni għall-prostitut/a.
Skont ir-rapport ta’ Honeyball dan il-mudell ma’ ħadimx, hekk kif fil-Ġermanja Prosekuturi qalu li din il-liġi għamlitha aktar diffiċli biex jwettqu xogħolhom filwaqt li s-Sindku ta’ Amsterdam, fl-2003, kien qal illi kien jidher li l-ħolqien ta’ ambjent sigur kien kważi ‘impossibbli.’
Skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonalijiet Uniti li jitratta d-droga u l-kriminalità l-Olanda hija l-aktar destinazzjoni ‘popolari’ għat-traffikar tal-bnedmin.
Dawk li jikkritikaw din is-sistema jfakkru kif minkejja l-għajta li se jonqos l-abbuż, fil-fatt dan żdied b’żoni fil-Ġermanja u anke Amsterdam isiru popolari ħafna għal dawk li qed ifittxu turiżmu relatat mas-sess.
Dan b’konsegwenza li żdiedet id-domanda u allura żdied it-traffikar tan-nies għal skopijiet ta’ sess.
Imbagħad hemm il-mudell Skandinavu. Dan prattikament jagħmel att kriminali kull tip ta’ xiri ta’ servizz sesswali. Imma jħalli bħala mhux kriminali, l-att illi persuna tipprostitwixxi lilha nnifisha.
Dan ifisser li mara/raġel tista’ tipprostitwixxi lilha nnifisha, imma min iwettaq l-att tal-ħlas għas-servizz sesswali jkun qed jikser il-liġi.
Jidher illi dan il-mudell huwa l-favorit, għalkemm mhux nieqes mill-kontroversja anqas. Fil-fatt minkejja li kien introdott f’diversi pajjiżi, kien ugwalment ikkritikat għaliex jeskludi l-possibilità illi hemm nisa li huma stess jagħżlu li jkollhom dan bħala xogħol.
Fil-fatt dawk li ma qablux mar-rapport ta’ Honeyball, f’’minority opinion’ qalu illi r-rapport m’għamilx differenza bejn prostituzzjoni sfurzata u dik li tirriżulta minn deċiżjoni tal-individwu adult, ’il fuq mill-età tal-kunsens.
Dr Jay Levy, li studja l-mudell fl-Iżvezja jħoss li aktar minn kollox dan tefa’ l-prattika iktar fi spazji u ambiti klandestini u allura aktar perikolużi.

X’irrakomanda r-rapport ta’ HoneyBall?
- Stati Membri tal-UE għandhom jintroduċu għajnuna ta’ counselling b’mod kunfidenzjali u check-ups regolari fuq il-post fejn taħdem il-prostituta. Dan fid-dawl tal-fatt illi dan huwa grupp ta’ nies b’riskju għoli li jkunu infettati bl-HIV.
- Li x-xiri ta’ servizzi sesswali jkun projbit u kriminalizzat
- Li mal-projbizzjoni tas-servizzi sesswali issir kampanja ta’ għarfien
- Tfakkar li prostituti nisa għandhom igawdu mid-drittijiet marbutin mal-maternità
- Toleranza żero għal kull prostituzzjoni ta’ persuni taħt l-età
- Li l-użu tas-servizzi ta’ prostituti taħt il-21 sena ikun att kriminali
- Tiġbed l-attenzjoni għall-prattika ta’ ‘grooming’ li jinvolvi persuni taħt l-età
- Ifakkar u jwiddeb kontra riklamar fuq magażins, gazzetti u siti soċjali li jippromovu servizzi sesswali
- Jinsisti li n-normalizazzjoni tal-prostituzzjoni timpatta ħażin ir-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel
- Jinsisti li l-prostituti ma jittiħdux passi kontrihom
- Tgħid li d-dikriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni mhux rakkomandat
- Tagħti s-saħħa lill-pulizija li jagħmlu spezzjonijiet mingħajr avviż fil-post fejn tkun qed issir l-attività sesswali
- Jitlob li tkun mogħtija għajnuna psikoloġika u soċjali lil dawk li qed jaħdmu f’din l-industrija
- Jinsisti li l-Pulizija u l-awtoritajiet jingħataw it-taħriġ meħtieġ dwar għarfien tal-isfruttament u ko-operazzjoni mal-vittmi
- Jinsisti li kemm jista’ jkun għandhom ikunu Pulizija nisa, li jitrattaw każi bħal dawn
- Jinkoraġixxi favur miżuri li jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni, żewġ fatturi li jistgħu jwasslu għall-prostituzzjoni
- Miżuri kontra turiżmu relatat mas-sess
- Bżonn ta’ pjan ta’ rijintegrazzjoni għal dawk in-nisa li kienu prostituti

Il-prostituzzjoni f’numri, persentaġġi u dati
- Bejn 40 u 42 miljun mara huma involuti fil-prostituzzjoni
- Sa April tal-2013, 6 pajjiżi biss fl-UE kollha kienu segwew id-Direttiva Ewropea kontra t-Traffikar tal-Bnedmin
- Fil-Ġermanja hemm 400,000 persuna li jaħdmu bħala prostituti
- Il-maġġoranza tal-prostituti għandhom bejn 13 u 25 sena
- 62% huma sfruttati sesswalment
- 96% tal-vittmi, madwar id-dinja, huma nisa
- Il-prostituzzjoni tiġġenera qligħ ta’ madwar $186 biljun fis-sena
- Sal-2008 79% tan-nisa fl-Iżvezja kienu jaqblu mal-mudell applikat f’pajjiżhom
- 80-95% mill-prostituti jkunu batew minn xi forma ta’ vjolenza qabel ma’ saru prostituti
- 62% jirraportaw li kienu stuprati
- 68% jsofru minn ‘post-traumatic stress disorder’
- Ir-rapport ta’ Honeyball fil-PE; 343 voti favur, 139 kontra u 105 astensjoni.

Fatti interessanti dwar ‘l-eqdem professjoni’
- Fl-era Vittorjana l-prostituzzjoni kien l-aktar xogħol imħallas għan-nisa, li dak iż-żmien ftit kellhom opportunitajiet u wisq inqas drittijiet.
- Minkejja l-idea popolari, il-Geisha qatt ma kienet tati servizzi sesswali. Anzi kienet meqjusa diżonorabbli li tqis Geisha bħala prostituta. Fil-Ġappun, bejn is-sbatax u d-dsatax-il seklu kienet l-‘Ojran’ li tagħti servizzi sesswali.
- Devadasis; Prostituti Indjani li jinbiegħu mill-ġenituri tagħhom minħabba faqar assolut. Dawn ikunu dejjem proprjetà tal-alla tal-fertilità Yellamma. Ma jistgħux jiżżewġu, jibqgħu jaħdmu sakemm ma jibqgħux żgħar u sbieħ u wara li jkunu lesti mill-prostituzzjoni jkollhom bilfors jgħixu ta’ tallaba.
- F’pajjiżi bħal-Lebanon fejn l-omosesswalità hija tabù, il-prostituzzjoni tal-irġiel qed tiżdied sew
- In-notorju Jack the Ripper, jingħad li qatel ħames prostituti, għalkemm m’hemmx numru kkonfermat jew eżatt. Dan il-persuna jibqa’ magħruf matul is-snin għall-atroċitajiet li wettaq, imma jibqa’ magħruf ukoll għall-anonimità. Hemm kospariziji differenti, uħud li jgħidu illi Jack The Ripper kien membru tal-familja Rjali.
- Skont rapport tal-Urban Institute, bl-isem “Estimating the Size and Structre of the Underground Commercial Sex Economy in 8 US Cities” 32% ta’ dawk li daħlu fil-prostituzzjoni kellhom xi ħadd fil-familja li fil-fatt kien jagħmel l-istess xogħol
- Apparti s-sess hemm escort services. Li persuna tħallas lill-oħra għal kumpanija u xi kultant biex ikollha x’taqsam magħha wkoll. Hemm dibattitu dwar x’inhi d-differenza bejn escort u prostituta, għalkemm hemm iktar qbil li tal-ewwel mhix prostituzzjoni.
- Skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, l-Awstrija, l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda, Spanja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit huma l-aktar pajjiżi fil-mira tat-traffikanti għal servizzi sesswali rħas.
- ‘Big Sister’ kien burdell fir-Repubblika Ċeka li fih persuna ma kinitx tħallas biex ikollha x’taqsam mal-prostituta. Minflok dak li kien jiġri bejn il-klijent u l-prostituta kien jixxandar f’reality show relatat mas-sess. Il-burdell għalaq fl-2010.

