
Analiżi | Il-futur tas-soċjaliżmu fl-Ewropa mhedded wara l-elezzjoni fil-Ġermanja
...Ħarsa lejn l-elezzjoni fil-Ġermanja b'kummenti esklussivi minn Gianni Pitella, l-Ambaxxatriċi Ġermaniż għal Malta Gudrun Sräga u mara Ġermaniża li tgħix f'Malta
minn Jesmar Baldacchino

Angela Merkel reġgħet ġiet eletta kanċillier Ġermaniż fl-aħħar elezzjonijiet fil-Ġermanja u għalkemm il-popolarità tagħha u tal-partit tagħha naqset se terġa’ tidħol fil-Bundestag bħala l-Kap tal-Gvern għar-raba’ darba.
Il-partit CDU/CSU se jkun l-akbar wieħed fid-19-il sessjoni tal-Bundestag u wara li 76.2% tal-Ġermaniżi li kienu eleġibbli vvutaw.
Din l-elezzjoni ħalliet bla dubju impatt mhux biss fuq il-Ġermaniżi biss imma wkoll fuq il-kumplament taċ-ċittadini Ewropej ukoll minħabba bosta fatturi li seħħew.
Għall-ewwel darba mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija kellna r-ritorn ta’ partit apertament nazzjonalista li reġa’ sab postu fil-Parlament, l-Alternattiva għall-Ġermanja (AfD), b’rappreżentanza li mhix żgħira u rajna wkoll lill-Partit Soċjalista Ġermaniż (SPD) jaqla’ tkaxkira kbira.
Dan minnu nnifsu wkoll jistħoqqlu analiżi għaliex Martin Schulz, li qabel kien il-President tal-Parlament Ewropew, kien qed jaħseb li se jirnexxilu jsaħħaħ il-preżenza tas-Soċjalisti bl-esperjenza li kiseb mill-Parlament Ewropew.
Hawn min qed isostni li r-riżultat tal-SPD, li kiseb mal-21% biss tal-preferenza tal-elettorat turi li l-Ġermaniżi wkoll qed jitilfu l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet Ewropej, għaliex ma wrewx fiduċja f’mexxej li ġej minn uffiċċju fi Brussell.
Ta’ min iżda jirrimarka li fl-elezzjoni fil-Ġermanja ma kienx hemm partit ewlieni li ried jew mexxa xi forma ta’ kampanja biex il-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea għall-kuntrarju ta’ Franza, l-Awstrija u l-Olanda fost l-oħrajn.

Koalizzjoni li tista’ tkun sfida
F’kummenti mal-ILLUM, l-Ambaxxatriċi Ġermaniż għal Malta Gudrun Sräga qalet li d-diskussjonijiet għal Gvern ġdid mhumiex faċli wara li s-Soċjalisti qalu li ma jridux li jkunu fil-Gvern ta’ Merkel.
Dan iġib il-koalizzjoni magħrufa bħala tal-Ġamajka, li hija l-amalgamazzjoni tal-kuluri użati mill-partiti CDU, CSU, FDP u l-Ħodor fil-bnadar, li huma l-iswed, l-isfar u l-aħdar li huma kuluri li wieħed isib fil-bandiera tal-Ġamajka.
Għaldaqstant, dawn il-partiti għandhom pożizzjonijiet differenti fuq issues deċiżivi u li jinstab kunsens se tkun sfida kbira.

Irridu nħabbtu l-ideat biex negħlbu l-isfida tal-popoliżmu
Il-President tal-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Gianni Pittella mal-ILLUM qal li d-dibattitu u l-kuntrast ta’ ideat differenti bejn il-politika tal-lemin u tax-xellug huma l-aħjar għodda biex negħlbu l-estremiżmu u nwaqqfu l-avvanz li qed jagħmlu partiti bħall-AfD.
Pittella saħaq kif ‘l-avvanż li qed jagħmlu dawn il-partiti għandha tkun il-forza li tħeġġiġna naħdmu aktar mhux biss fil-Ġermanja imma wkoll fl-Ewropa kollha biex ikollna soċjetà aktar ġusta li tkun ugwali għal kulħadd.’
Enfasizza li wasal iż-żmien li fl-Ewropa nħarsu ’l quddiem biex negħlbu l-kaġun tal-inċertezzi u r-rabja li qed tikber fost iċ-ċittadini Ewropej. Dan billi jkollna soluzzjoni għall-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol, l-immigrazzjoni irregolari u s-sigurtà.

Il-Ġermaniżi jerġgħu jqajmu d-dell tal-politika popolista
Fid-diskors annwali tiegħu magħruf bħala State of the Union, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker kien qal li l-isfida tal-politika popolista ntemmet.
Għalkemm din il-politika ħalliet bħala vittma lir-Renju Unit bid-deċiżjoni li jitilqu mill-Unjoni Ewropea wara r-referendum tal-Brexit. Uħud kienu qed jaraw li wara l-elezzjoni tal-Ġermanja, se jerġa’ jkun hemm il-forza tal-koalizzjoni Franco-Ġermaniża.
Għalkemm fil-Ġermanja reġa’ għandna lil Angela Merkel bħala Kanċillier, wieħed ma jistax jinjora li l-AfD huma t-tielet forza fil-Parlament Ġermaniż u din taf tkun ta’ theddida għall-ħolma Ewropea.
Fi Franza, Macron għeleb lil Le Pen fit-tellieqa Presidenzjali u fir-Renju Unit bil-Brexit, Juncker jaf għandu wġigħ ta’ ras inqas imma fil-Ġermanja ħafna votanti għażlu lill-AfD mhux neċessarjament ħabba t-twemmin politiku imma biex jibagħtu sinjal, li jista’ jkun wieħed li mhux qed jaqblu ma’ kif qed timxi l-Unjoni Ewropea.
Qed tinħass il-ħtieġa ta’ politika ġdida kontra l-estremiżmu
Kathrin Schödel, Ġermaniża li tgħix f’Malta qalet mal-ILLUM li inkwetanti kif l-AfD irnexxilhom isibu posthom fil-Parlament. Sostniet li fil-Ġermanja hemm nuqqas ta’ moviment popolist xellugi li jilqa’ r-realtà tal-immigrazzjoni minflok li jipponta subgħajh lejn il-batuti, li huma dawk li jiġu sfurzati jitilqu minn pajjiżhom, jaħdem biex tieqaf l-ingwaljanzà, jissaħħu l-kundizzjonijiet fil-kompetittività u jieqfu l-esplojtazzjoni u l-esklużjoni soċjali.
Minflok is-CDU spiċċaw biex ikkontribwixxew lejn il-kunċett tal-kriżi minħabba l-immigrazzjoni irregolari. Dan flimkien mar-realtà brutali tal-politika tal-fruntieri ħolqu atmosfera ta’ razziżmu, li ttieħdet lejn l-estrem mill-AfD.

Min huma n-nazzjonalisti estremi tal-AfD?
Din se tkun ir-raba’ leġiżlatura li se tkun qed tmexxi Angela Merkel flimkien mal-partit tagħha d-Demokratiċi Kristjani (CDU) wara li kisbet 33% tal-preferenza tal-elettorat. Merkel iżda se titlef l-appoġġ tas-Soċjalisti wara li Martin Schulz iddikjara li mhux se jifforma parti mill-koalizzjoni tal-Gvern, hekk kif l-SPD kisbu l-agħar riżultat mill-aħħar gwerra dinjija.
Mhux l-istess l-AfD li l-aġenda tagħhom mibnija kontra l-Iżlam sabet appoġġ kbir fost il-Ġermaniżi u akkwistaw voti kważi mill-partiti l-oħra kollha speċjalment mingħand is-Soċjalisti. L-AfD huma t-tielet l-ikbar forza fil-Bundestag bi 11% tal-preferenza tal-votanti Ġermaniżi.
L-AfD mexxew aġenda kontra l-immigranti, l-integrazzjoni u speċjalment kontra l-Iżlam. L-AfD kienu wkoll qed jitkellmu favur li l-Ġermanja toħroġ miż-żona ewro, il-grupp tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu użu mill-munita ewro.
Bħalma għamlu partiti popolisti kbar madwar l-Ewropa bħalma huma l-UKIP fl-Ingilterra u l-Front National fi Franza, l-AfD għażlu li l-aġenda tagħhom tkun mibnija fuq in-nazzjonaliżmu jew it-tradizzjonijiet Ġermaniżi. Għamlu kampanja favur il-valuri tal-familja tradizzjonali bil-missier u l-omm, għalkemm il-membru ewlieni Alice Weidel, hija omosesswali u għandha wkoll t-tfal.
L-AfP sabu posthom fil-Parlament Ġermaniż wara biss erba’ snin. Li partit bħall-AfD jakkwista dan l-ammont kbir ta’ voti jfisser li għalkemm Merkel reġgħet intgħażlet bħala Kanċillier, il-maġġoranza tal-Ġermaniżi ma kinux komdi bil-politika liberali tagħha favur l-intergrazzjoni tal-immigranti.
Kulħadd għadu jiftakar id-deċiżjoni li ħadet fix-xhur li għaddew meta għażlet li tiftaħ il-fruntieri tal-Ġermanja għal miljuni ta’ immigranti mis-Sirja.
Hawnhekk wieħed irid jgħid li filwaqt li Merkel tul il-kampanja tfaħħret kif il-Ġermaniżi fetħu qalbhom u pajjiżhom biex jilqgħu lil min hu fil-bżonn insistiet li dan kien każ uniku li m’għandux jerġa’ jiġi ripetut fuq il-Ġermanja.

Jerġgħu jonqsu l-Gvernijiet Soċjalisti madwar l-Ewropa
Bir-riżultat miksub minn Schulz, il-Gvernijiet Soċjalisti fl-Ewropa naqsu minn 10 fis-sena 2000, meta l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kienu 15 għal sitta din is-sena meta hawn 28 pajjiż membru.
Il-Gvernijiet Soċjalisti fl-Ewropa jinsabu fl-Iżvezja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja u f’Malta bil-Gvern tal-Partit Laburista, li huwa l-aktar wieħed stabbli. Dan it-tibdil fi żmien meta l-politika popolari kienet qed tgħolli rasha turi kif ftit għadhom dawk l-Ewropej li jafu x’inhi l-politika Soċjalista.
Dan huwa fenomenu għaliex il-valuri soċjal demokratiċi qed jittieħdu u jitgħawġu minn partiti oħra żgħar li fi żmien qasir iridu jkabbru l-popolarità tagħhom, speċjalment dawk il-partiti patrijottiċi u popolisti, li qed jadottaw kliem bħalma huma s-‘solidarjetà’, l-‘ugwaljanza’, ix-‘xogħol’, li s-‘sinjur jgħin lill-fqir', li ‘l-ekonomija trid tkun hemm għan-nies’, li ’t-taxxi għandhom ikunu l-mutur tal-ġustizzja soċjali’, kollha kliem li jintużaw mill-politiċi soċjalisti.
Il-politika tal-lemin u tax-xellug
It-terminu politiku tal-lemin u tax-xellug beda eżatt wara t-tmien tar-rivoluzzjoni Franċiża, u skont il-post kif poġġew il-membri fil-Parlament. Dawk li kienu favur ir-reġim l-antik u l-oħrajn li kienu jappoġġaw il-ġerarkija u l-klerikaliżmu.
Il-politika tal-lemin nibtet bħala reazzjoni għall-politika tax-xellug. Ġeneralment il-politika tal-lemin hija bbażata kontra s-soċjaliżmu u tinkludi konservattivi, demokristjani, liberali, nazzjonalisti u dawk tal-lemin estrem li huma l-faxxisti, neo-nażi u razzisti. Il-politika tax-xellug tappoġġja l-ugwaljanza soċjali u kontra l-ġerarkija soċjali u tinkludi wkoll r-radikali u r-riformisti.