Peter Micallef reġa’ ġie elett għat-tielet darba fil-Parlament wara li rebaħ l-elezzjoni każwali li saret fis-seba’ distrett elettorali minfejn irriżenja Jean Pierre Debono.
Micallef huwa mistenni li jirriżenja mill-Parlament illejla stess sabiex il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jiġi ‘co-opted’ minfloku.
Peter Micallef ġie elett wara li ġab 1,719-il vot meta l-kwota kienet 1,653 vot.
Il-kandidati l-oħra li ħadu sehem f’din l-elezzjoni każwali kienu Sam Abela, Antoine Borg, Dounia Borg, David Vassallo u Ian Mario Vassallo għall-Partit Nazzjonalista u Lee Bugeja Bartolo għall-Partit Demokratiku.
Micallef mistenni li jindirizza l-Parlament qabel jirriżenja, bil-Prim Ministru Joseph Muscat iressaq il-mozzjoni għall-‘co-option’ u Adrian Delia jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ġimgħa li ġej.