L-Europol mitluba tieħu passi kontra abbuż tat-tfal online

Ir-rapport jappella lil Europol biex jistabilixxi sistemi anonimi fejn persuni jistgħu jirrapurtaw kontenut illegali, bħal materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal...

Il-Parlament Ewropew ivvota favur rapport li fost oħrajn jitlob għal azzjoni mill-Europol dwar l- abbuż sesswali tat-tfal online. “Dan huwa suġġett importanti ħafna għalina,” qalet il-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli li nnegozjat emendi għar-rapport f’isem il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi.

“Ir-rapport jappella lil Europol biex jistabilixxi sistemi anonimi fejn persuni jistgħu jirrapurtaw kontenut illegali, bħal materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal, filwaqt li jużaw salvagwardji tekniċi simili għal dawk li jiġu implimentati minn organizazzjonijiet tal-media,” spjegat Dalli.

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew jemfasizza li materjal t’abbuż fuq it-tfal mhux sempliċiment jiġi mblukkat imma jrid jitneħħa kompletament. Inkella dak il-materjal jibqa’ aċċessibbli għal persuni f’pajjiżi differenti fejn dak l-imblukkar ma jkunx sar. Għalhekk li l-Istati Membri għandhom jaċċertaw l-infurzar ta’ ISPs biex materjal bħal dan jitneħħa kompletament.

Peró dan hu biss aspett wieħed li jħares lejh ir-rapport li jiffoka dwar is-sigurtà fuq l-Internet fejn elenka kwistjonijiet ewlenin u propona inizjattivi u policies fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ online. Dan ir-rapport kien imfassal qabel mal-Kummissjoni Ewropeja ippubblikat l-istrateġija tagħha dwar is-sigurtà fuq l-Internet magħrufa bhala Cyber Security u gwida numru ta’ elementi fil-proposta li ppreżentat il-Kummissjoni.

L-MPE Dalli qalet li “ħafna drabi l-kriminalità online u s-sigurtà online ma jafux fruntieri, allura ridt naċċerta ruħi li dan ir-rapport jikkunsidra l-aspetti teknoloġiċi, ġuridiċi u anke’ kriminali. Għal dan il-għan ressaqt numru ta’ emendi li jipprovdu metodi differenti ta’ kif nistgħu nindirizzaw il-kriminalita’ online inkluz ir-reviżjoni tal-mandat tal-Aġenzija Ewropeja għas-Sigurta tal-Informazzjoni speċifikament biex l-Aġenzija tibda tassisti lill-awtoritajiet fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità online.”

"Għas-Soċjalisti u Demokratiċi huwa importantissimu li jintlaħaq bilanċ bejn is-sigurta online u l-privatezza tad-data personali tan-nies. “Huwa pożittiv li r-rapport filwaqt li jirrikonoxxi li avvanzi teknoloġiċi bhal encryption u anonymisation setgħu waslu għal żieda fi kriminalita’ online, jirrikonoxxi wkoll li din hija teknoloġija importanti. Mingħajr teknoloġija bħal din ma nkunux nistgħu nibgħatu emails privati u siguri, jew nużaw is-sistemi bankarji, ma nkunux nistgħux nibgħatu messaġġi jew nieħdu ritratti mingħajr ir-riskju li l-privatezza u d-data tagħna tkun kompromessa,” Dr Dalli insistiet.

Ir-rapport jappella għal sigurta’ aktar b’saħħitha u għal infrastruttura sensittiva bħal grids tal-enerġija u smart grids fost l-oħrajn. Jappella wkoll lill-awtoritajiet biex jinkludu lil dawk li jissejjħu white hat hackers li huma persuni li jinvolvu ruħhom f’hacking biex isibu nuqassijiet u illegalitajiet online.

 

Ir-rapport kien approvat b’603 vot favur, 27 vot kontra u 39 astensjonijiet

More in Politika