It-tanker Goeast, li huwa rreġistrat fil-gżejjer Komoros u li kien involut fi sparatura mal-gwardjani kostali Libjani, fil-preżent jinsab ftit ‘il barra mill-kosta ta’ Malta.
Fil-ġranet li għaddew, il-gwardjani kostali Libjani sparaw tiri lejn dan it-tanker, li s-sidien tiegħu huma mill-Krimea, wara li l-kaptan ma obdiex l-ordnijiet li jħallihom jitilgħu abbord u jwettqu tfittxija fuq suspetti li kien qed iġorr ‘diesel’ tal-kuntrabandu.
Il-midja fil-Libja kkonfermaw li t-tanker jinsab wieqaf qrib Malta kif jidher ukoll mis-sit Marine Traffic.
Filmat tal-gwardjani kostali Libjani juri kif it-tanker kien intlaqat mit-tiri sparati u l-ewwel rapporti kienu qed jindikaw li x’aktarx kien inqaleb u għereq aktar tard. It-tanker spiċċa bi ħsarat fil-magni u t-tankijiet tal-fjuwil.
L-Awtoritajiet Libjani sostnew li kienu ilhom josservaw it-tanker, li kien ankrat f’Bukhamash, minfejn għabba l-fjuwil.
Is-sidien Russi tat-tanker qalu li mhux minnu li t-tanker kien involut fil-kuntrabandu iżda kien hemm diżgwid finanzjarju bejn kumpanija mill-Iżvizzera, li kkummissjonat lit-tanker u persuni Libjani.
Ir-Russi qed isostnu li ħadd mill-membri tal-ekwipaġġ ma ndarab jew miet. Wara l-isparatura, l-gwardjani kostali Libjani marru lura Tripli.