'Hemm bżonn li l-kwistjoni ta’ drogi perikolużi tiġi indirizzata' - AD

L-AD qed turi l-appoġġ tagħha lejn il-kawża tar-regolamentazzjoni tal-kannabis

Preżenti għat-tnedija tal-kampanja ‘Releaf’, illum AD qiegħda turi l-appoġġ tagħha lejn il-kawża tar-regolamentazzjoni tal-kannabis. Fil-kampanja elettorali, AD ipproponiet li min juża drogi qawwija għandu jitqies bħala persuna bi problema medika u soċjali u mhux kriminal u fil-każ tal-kannabis li din tkun legali għal użu personali. 

James Gabarretta f'isem AD qal “Hemm bżonn li l-kwistjoni ta’ drogi perikolużi, speċjalment dawk sintetiċi, tiġi indirizzata fuq livell soċjali u mediku. Dawn id-drogi qed jikkawżaw ħsara kbira. L-effetti tal-ħaxixa min-naħa l-oħra huma magħrufin u jistgħu jiġu kontrollati billi jkun hemm regolamentazzjoni li tħares lil min jiddeċiedi li jikkonsmaha”.

"Barra minn hekk, għandu jkun hemm strutturi ta’ ħaddiema soċjali iktar b’saħħithom li jgħinu lil persuni dipendenti fuq id-drogi qawwija. Minkejja titjib importanti fil-liġijiet Maltin, l-użu tad-droga ma ġietx dekriminalizzata. Il-pulizija xorta għadha qed tigri wara min juża d-droga. Nesiġu mudell ibbażat fuq dak soċjali u mediku fejn jidħlu drogi qawwija biex persuni dipendenti verament isibu għajnuna f'waqtha u effettiva."

“Fuq il-kannabis partikolarment, din għandha tkun klassifikata b'mod differenti minn drogi oħra. AD tisħaq li l-kannabis, titqies fuq l-istess livell tal-alkoħol u s-sigaretti u ssir legali fuq dan il-mudell:

L-ewwel nett, l-użu tal-kannabis għal skop mediku, minkejja r-rettorika, għadu qed isib tfixkil kbir. Ix-xkiel għandu jispiċċa minnufih. Barra minn hekk, il-kannabis għandha titħalla titkabbar u tinbiegħ minn ħwienet liċenzjati u regolati. Id-dħul mit-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-kannabis jista’ jintuża f’infieq fuq servizzi tas-saħħa u soċjali. Għaldaqstant għandha titħalla ssir il-kultivazzjoni għall-użu personali tal-kannabis mingħajr tassazzjoni, u l-użu tal-kannabis għandha tkun legali, bħal fil-każ tas-sigarretti f’qafas ta’ liġi.”

Iċ-Chairperson ta' AD Carmel Cacopardo qal:"inħossu li wasal iż-żmien li Malta tieħu l-pass li jmiss fil-politika tad-droga - li ssir politika b'wiċċ uman u mhux waħda ta' ripressjoni."

More in Politika