Il-kannabis tista’ twassal għal aktar ħolqien tax-xogħol… skont ReLeaf
21 proposta għal qafas regolatorju mressqa mill-attivisti indipendenti tar-ReLeaf
More in Politika
21 proposta għal qafas regolatorju mressqa mill-attivisti indipendenti tar-ReLeaf
Il-grupp ReLeaf, li huwa magħmul minn attivisti indipendenti, ippubblika manifest għal qafas legali għall-Gvern dwar il-kannabis.
Mill-proposti għal dan il-qafas, ReLeaf qed jipproponu li l-kannabis għandha tiġi kkunsmata minn dawk li jkollhom 21 sena jew aktar. Ikun hawn aċċess għall-kannabis mediċinali mingħajr riċetta. Ikun permess li jitkabbru ta’ sitt pjanti fil-privat u jinġarru sa’ 30g.
Proposti oħra huma l-għoti ta’ liċenzja biex titkabbar u tinbiegħ il-kannabis b’mod industrijali u l-ħolqien ta’ postijiet soċjali għall-konsum tal-kannabis.
Dwar il-liberalizzazzjoni tal-kannabis, Johnathan Cilia qal li din tista’ toffri opportunitajiet għall-ħolqien tax-xogħol, l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku.
Ġie propost li biex tkun żgurata il-kwalitá tal-kannabis ikkunsmata u mibjugħa f’Malta, ReLeaf qed jgħidu li din għandha titkabbar u jsiru testijiet fuqha lokalment. Għalhekk ukoll qed jisħqu fuq il-ħolqien ta’ postijiet apposta għat-testijiet.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament, il-membri ta’ ReLeaf qalu li wasal iż-żmien li f’Malta wkoll jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-legalizzazzjoni tal-kannabis.
Dan fl-istess żmien li bosta pajjiżi madwar id-dinja, fosthom l-Istati Uniti u l-Kanada, qed ibiddlu l-liġijiet tagħhom, Malta tista’ tkun pijuniera fl-Ewropa.
Biex dan il-qafas ikun suċċess, ReLeaf qed jipproponu multi aktar ħarxa lil min jixtri jew ibiegħ il-kannabis fil-‘black market’ jew min ma jobdix il-liġijiet.
Johnathan Cilia sostna li filwaqt li f’dawn l-aħħar sentejn sar progress dwar il-kannabis għad fadal x’jista’ jsir. Spjega kif kuljum Maltin qed jiġu ‘sfurzati’ mingħand ‘dealers’ li jispiċċaw jisfurzawhom fuq drogi aktar tqal.
Qal li hawn każijiet fejn persuni qed jinqabdu bil-kannabis, kemm għalihom personali kif ukoll għal raġunijiet mediċi, li qed jitressqu l-Qorti u jeħlu sentenza ta’ priġunerija wara li jingħataw multa li ma jkollhomx biex iħallsu.
ReLeaf qed jipproponu amnestija lill-priġunieri kollha li spiċċaw fil-ħabs minħabba każijiet relatati mal-kannabis.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li d-diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni tal-kannabis mediċinali se tibda x-xahar id-dieħel.
Kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista ddikjaraw fil-manifesti elettorali rispettivi tagħhom li kienu lesti li jwettqu diskussjoni nazzjonali dwar il-kannabis.