'It-theddid fuq Caruana Galizia minn nies madwar Delia saru, mhux minni'

  • Muscat jisfida lil Adrian Delia biex imur il-Qorti u jitfa' lilu innifsu taħt investigazzjoni, kif għamel hu bl-allegazzjonijiet ta' DCG
  • Muscat jgħid li l-Gvern tiegħu mhu se jagħmel ebda kundizzjonijiet għall-għaqda

Joseph Muscat jitkellem fil-Parlament dwar il-qtil ta' DCG
Joseph Muscat jitkellem fil-Parlament dwar il-qtil ta' DCG

F'diskors b'saħħtu fil-Parlament ilejla l-Prim Ministru Joseph Muscat bejn appelli u iktar informazzjoni dwar il-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, dawwar il-kanuni fuq Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li għal ġimgħat kien taħt kritika ma' taqta' xejn minn Caruana Galizia. 

"X’taf Caruana Galizia dwari nafu għax marret il-qorti u xehdet. Ara x’taf dwar Adrian Delia ma nafux għax mar jiġri jwaqqa’ l-libelli li fetħilha," sostna Muscat f'referenza għal storja żvelata fuq dan is-sit, jiġifieri li Delia waqqa' l-libelli li kien gġamel fil-konfront ta' Caruana Galizia.  

"Issa qegħdin f’sitwazzjoni ta vakuum," sostna Muscat, "meta saret allegazzjoni enormi fil-konfront tiegħi u ta’ familti mort il-qorti u tlabt biex ikun appuntat Maġistrat biex jinvestiga l-allegazzjonijiet u jiġbor il-fatti. Dakinhar," fakkar Muscat dwar l-allegazzjoni Egrant, "jien għidt li jekk ikun hemm imqar dubju, jiena nitlaq, dak il-ħin, on the spot."

"Issa l-kap tal-Oppożizzjoni m’għandux triq oħra ħlief li jmur il-Qorti u jitlob inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu," Muscat sfida lil Delia. Daphne Caruana Galizia kienet allegat li Delia kellu kont f'Jersey u li, allegatament minnu kienu għaddejjin flus mill-prostituzzjoni.

Muscat sostna li minkejja kritika ma' taqta xejn fil-konfront tiegħu, fl-aħħar 20 sena li ilu fil-politika. "Kienet Ilha tikkritikani iktar minn 20 sena . Meta jien kont 'biċċa ġurnalist' kif kienet issejjaħli u qabel dħalt fil-politiku u miegħi weħlu marti u uliedi imma qatt, speċjalment issa, qatt ma għajjartha biex indawwar in-nies kontriha. Qatt ma għajjrtha. Dejjem rajt li l-affarijiet jibqgħu kalmi,” sostna Muscat f’referenza ċara għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li kien għajjar lil Caruana Galizia ‘biċċa ġurnalista’ qabel ma rebaħ l-elezzjoni għal Kap. 

Kien hawn li Muscat, filwaqt li fakkar illi kienet Caruana Galizia stess li wara l-2010 ma riditx ikollha skorta minħabba li beżgħet li jsir spjunaġġ fuqha minn Korp tal-Puliizja li hi ma kinitx tafda,  staqsa lil Delia x'għamel hu biex jipproteġi lil Caruana Galizia. "It-theddid fuq Caruana Galizia minn nies madwar Delia saru, mhux minni" akkuża Muscat, li qal li Delia għandu tliet problemi.

Hu kien qed jirreferi għal blog li fih Caruana Galizia qalet li irċeviet bosta messaġġi li, allegat, li kienu attivisti ta' Delia. Dawn qalulha li kienet spiċċuta.  

"Ilbieraħ l-oppożizzjoni għamlet sett ta’ kundizzjonijiet għall-għaqda u aħna ngħidulu li lesti naħdmu għall-għaqda nazzjonali bla kundizzjonijiet," sostna Muscat għall-approvazzjoni tad-Depuati tal-Gvern. 

Muscat qal ukoll li jilqa' t-talba ta' Manfred Webber biex issir investigazzjoni internazzjonali, aħbar li żvela dan is-sit iktar kmieni dalgħodu.

Muscat qal li l-qtil ta’ Caruana Galizia kien każ straordinarju li jitlob rimedji straordinarji. “Għalhekk tlabna l-mezzi tal-FBI,” qal Muscat li spjega kif din it-talba saret biex tintuża teknoloġija li pajjiżna m’għandux. “L-Olandiżi huma l-esperti ewlenin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ katavri u għaddejjin f’kuntatt ma’ pajjiżi oħrajn biex jekk hemm bżonn iktar teknoloġija li tista’ tintuża, aħna nġibuha. Lesti għal aktar involviment internazzjoni."

Intant Muscat ħabbar li l-Gvern għaddej b'diskussjonijiet ‘reward’ għal kull min jiġi jagħti informazzjoni. Il-Gvern lest joffri ‘reward’ sostanzjali u s-salvagwardji kollha neċessarji.” Muscat qal illi bil-Liġi tal-Whistleblower dan jista’ jseħħ.

“L-ewwel dover tiegħi huwa lejn Daphne Caruana Galizia li twettaq attakk fuqha u l-Gvern irid li jsir progress fuqha. Kull min għandu informazzjoni għandu jressaq l-informazzjoni għand il-Maġistrat," appella Muscat. 

 

More in Politika