
‘Assassinju fuq ġurnalista...attakk fuq professjoni’
- L-ILLUM titkellem ma’ għaqdiet ġurnalistiċi ewlenin fl-Ewropa
- Iqisu l-qtil ta’ DCG bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni

More in Politika
Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista magħrufa ma’ bosta għaqdiet li jirrappreżentaw lill-ġurnalisti kemm madwar l-Ewropa u fid-dinja.
B’mod speċjali kienet ħarġet fil-pubbliku stejjer li rriżultaw mill-istħarriġ investigattiv li wettqu l-ICIJ dwar kumpaniji sigrieti, li aktar tard saru magħrufa bħala l-Panama Papers.
Caruana Galizia ġiet ikklassifikata wkoll mat-28 ġurnalist l-aktar influwenti fl-Ewropa mill-ġurnal influwenti Politico. Dan apparti li binha Matthew Caruana Galizia kien l-ewwel Malti rebaħ il-premju prestiġġjuż Pulitzer għall-ġurnaliżmu.
L-ILLUM tkellmet ma’ għaqdiet ewlenin tal-ġurnalisti madwar id-dinja biex jagħtu l-opinjoni tagħhom wara l-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia t-Tnejn li għadda.
Is-sigurtà tal-ġurnalisti trid tkun prijorità tal-Unjoni Ewropea - EFJ
L-ILLUM tkellmet mal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ) Mogens Blichr Bjerregård. Din il-Federazzjoni wkoll ikkundannat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-EFJ kienet ukoll ikkundannat azzjonijiet li kienu ttieħdu fil-konfront ta’ Caruana Galizia fil-passat. Huwa saħaq li jinsabu xxokkjati bl-aħbar ta’ qtil ta’ ġurnalista oħra fl-Ewropa. Bjerregård qal li l-qtil u ċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan l-att għandhom jiġu investigati mill-aktar fis u jinstab min wettaq dan ir-reat. Enfasizza li s-sigurtà tal-ġurnalisti għandha terġa’ tkun prijorità għall-Unjoni Ewropea.
Tħassib dwar il-libertà tal-kelma f’Malta - ICIJ
Il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti (ICIJ) saħaq li Daphne Caruana Galizia kienet minn ta’ quddiem fl-istejjer investigattivi fl-interess tal-pubbliku. Id-Direttur tal-ICIJ Gerard Ryle fakkar mal-ILLUM li t-tifel tagħha Matthew Caruana Galizia huwa membru tal-Konsorzju. Huwa qal li jinsab imħasseb fuq il-libertà tal-kelma f’Malta. Għalhekk appella għal investigazzjoni serja li twassal għal min qatel lil Daphne u sabiex ikun hawn aktar ħarsien tal-ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Attakk fuq il-professjoni tal-ġurnaliżmu - CPI
Il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Integrità Pubblika (CPI) John Dunbar fakkar mal-ILLUM li Daphne Caruana Galizia kienet il-ġurnalista li investigat il-każ tal-Panama Papers u l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’Malta. Filwaqt li kkundanna l-attakk, Dunbar qal li dan ma kienx biss l-assassinju traġiku ta’ ġurnalista kuraġġuża imma wkoll attakk fuq il-professjoni tal-ġurnaliżmu kollu. Dunbar enfasizza li ma dan il-qtil ma jistax jgħaddi qisu ma ġara xejn iżda dawk li wettqu dan l-att kodard għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Dawn l-għaqdiet internazzjonali jingħaqdu mal-istituzzjonijiet Ewropej fosthom il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew u oħrajn internazzjonali, li wkoll ikkundannaw il-qtil tal-ġurnalista Maltija u dak li kollettivament iddeskrivew bħala attakk fuq il-libertà tal-kelma u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Uħud minn dawn l-għaqdiet bdew jużaw ukoll il-‘hashtag’ JeSuisDaphne simili għall-istess ‘hashtag’ li kienet intużat wara l-qtil tal-ġurnalisti tal-ġurnal Franciż Charlie Hebdo. Daphne Caruana Galizia kienet ilha fil-ġurnaliżmu għal dawn l-aħħar 30 sena hekk kif bdiet il-karriera ġurnalistika tagħha fl-1987.