Il-Gvern jiċħad li mhux jikkopera fuq il-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja

Dan wara li l-prokuratur Taljan qal ma' The Guardian li t-talba għall-għajnuna baqgħet bla tweġiba għal 18-il xahar

Il-Ministeru għall-Ġustizzja qed isostni li mhux minnhom allegazzjonijiet li għamel il-prokuratur Sqalli Carmelo Zuccaro li mhux qed isib kollaborazzjoni mill-awtoritajiet Maltin fl-investigazzjoni dwar il-kuntrabandu taż-żejt illegali mil-Libja, f’ħidma magħrufa bħala Dirty Oil.

Dawn l-investigazzjonijiet tat-Taljani wasslu għall-arrest tal-eksplejer tal-futbol Darren Debono f’Lampedusa.

Dwar id-dikjarazzjoni ta’ Zuccaro, li dehret fis-sit The Guardian, il-Ministeru għall-Ġustizzja qed isostni li għandu jiġi preċiżat li f’Ottubru li għadda, permezz tal-Eurojust, il-prokura Taljana kienet irreferiet talba lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta biex jinstemgħu xhieda u tinġabar evidenza mal-każ.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li f’inqas minn tliet xhur, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali beda l-proċeduri meħtieġa quddiem il-Qorti f’Malta biex jinġabru l-provi li ntalbu mit-Taljani skont il-liġi. 

Intqal li saru żewġ seduti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u ġiet iffissata it-tielet seduta fil-jiem li ġejjin. Il-Ministeru ċaħad l-akkużi kollha li tressqu mill-prokuratur.

Ma’ The Guardian, Carmelo Zuccaro qal li t-talba internazzjonali li saret lill-Awtoritajiet Maltin għall-għajnuna fuq l-investigazzjoni dwar iż-żejt baqgħet bla tweġiba għal 18-il xahar.

Zuccaro qal ukoll li Malta qed tispiċċa gżira li fiha jsibu kenn persuni minn kull tip ta’ kriminalità.

It-Taljani qed isostnu li jista’ jkun hemm konnessjoni bejn din l-attività kriminali tal-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja u l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Maltatoday qed tirrapporta iżda li l-prokuratur Carmelo Zuccaro kkonferma li l-isem ta’ Daphne Caruana Galizia qatt ma’ ssemma waqt l-investigazzjonijiet tad-Dirty Oil.

Il-proskuturi Taljani qed isostni li fi żmien sena dawn il-kriminali ttraffikaw bi €30 miljun żejt tal-kuntrabandu mil-Libja sa’ Malta u l-Italja.

More in Politika