Approvat rapport għal aktar protezzjoni tal-'whistleblowers'

Ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposti għal liġijiet ġodda madwar l-Unjoni Ewropea

Bi 399 vot favur, 101 vot kontra u 166 astensjoni, il-Parlament Ewropew ivvota favur rapport fuq il-protezzjoni tal-‘whistleblowers’ fl-interess pubbliku.

Ir-rapport miktub mill-MEP Virginie Roziére tas-Soċjalisti u Demokratiċi jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposti għal liġijiet ġodda li jagħtu aktar protezzjoni b’mod effettiv lill-‘whistleblowers’ madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Ir-rapport kien approvat mill-Kumitat Legali tal-Parlament Ewropew (JURI) fit-2 ta’ Ottubru li għadda. Ir-rapport fost l-oħrajn jitkellem fuq leġiżlazzjoni Ewropea li tkun ibbażata fuq standards internazzjonali għall-ħarsien tal-‘whistleblowers’ u jressaq punti ta’ riferiment.

Dawn jikkonsistu f’definizzjoni ta’ ‘whistleblower’ li tkun vasta biżżejjed li tinkorpora xenarji differenti, li tipproteġi mhux biss rapporti ta’ atti llegali u li twassal għall-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea li toffri għajnuna u gwida lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

L-MEP Malti fil-JURI Francis Zammit Dimech stqarr mal-ILLUM li l-protezzjoni tal-‘whistleblowers’ hija ferm importanti, speċjalment il-ħarsien ta’ ħajjithom meta jkunu għaddew dettalji ta’ każijiet bħalma kienu l-Panama papers.

Zammit Dimech qal li dan huwa rilevanti għal Malta wkoll għaliex fi kliemu l-Gvern jitkellem fuq il-‘whistleblowers’ kif jaqbel lilu. Huwa għamel referenza għall-‘whistleblower’ Russa li fi kliema kellha titlaq minn Malta minħabba theddid u nuqqas ta’ sigurtá.

Il-Parlament Ewropew iqis li l-protezzjoni li tingħata lill-‘whistleblowers’ mhix adekwata u tvarja ħafna bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Din id-differenzi bejn pajjiż u ieħor jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ sigurtá jekk trattament inġust tal-‘whistleblower’.

Sa’ mill-1 ta’ Jannar tal-2014, l-Istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea ġew obbligati li jintroduċu regolamenti interni biex jiġu protetti l-‘whistleblowers’ li jkun jaħdmu f’xi waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew ukoll addotta regolamenti simili f’Jannar tal-2016.

More in Politika