Zammit Dimech maħtur rapporteur fuq il-midja u l-libertà tal-espressjoni

  • Se jkun rapporteur fuq rapport li jwasslu għal liġijiet li jorbtu lill-pajjiżi membri tal-UE
  • Jiddeskrivi l-qtil ta' DCG bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni f'Malta 

L-MEP Malti Francis Zammit Dimech inħatar ‘rapporteur’ tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq rapport dwar il-midja, il-pluraliżmu u l-libertà tal-espressjoni. Dan hekk kif Zammit Dimech huwa membru tal-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew li huwa responsabbli fost l-oħrajn mill-midja.

Zammit Dimech qal li se jieħu dan l-irwol b’serjetà wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-allegazzjonijiet ta’ ibbuljar fuq il-midja lokali. Il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu huma parti mid-drittijiet fundamentali fiċ-‘charter’ Ewropew dwar id-Drittijiet Fundamentali u hija kriterji ewlenija għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fir-riżoluzzjoni tal-21 ta’ Mejju tal-2013 dwar dan iċ-‘charter’, il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-libertà li trid tingħata lill-ġurnalisti fit-twettiq ta’ xogħolhom. Għalhekk talab lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas legali li jorbot lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri u l-mekkanizmi għas-salvagwardja tal-pluraliżmu fil-midja.

Fir-riżoluzzjoni, l-Parlament appella wkoll lill-Unjoni Ewropea li tippromwovi l-ġurnaliżmu investigattiv. Ir-rapport li fuqu se jaħdem l-MEP Malti Zammit Dimech huwa ferm importanti fid-dawl ukoll tar-rapport li kien approvat tal-MEP Soċjalista Rozière fuq il-protezzjoni tal-‘whistleblowers’.

F’laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, Zammit Dimech qal li "l-qtil ta’ Caruana Galizia ma kienx biss il-qtil brutali ta’ ġurnalista investigattiva iżda wkoll attakk fuq il-libertà tal-espressjoni f’Malta." 

Qal li l-poplu Malti m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija, speċjalment meta ma kellux ċans li jiltaqa’ mal-Kummissjoni Anti-Mafja Taljana li kienet fuq żjara f’Malta.

More in Politika